Huma mill-anqas sitta, d-Deputati tal-Partit Nazzjonalisti li huma lesti jivvutaw favur il-mozzjoni tal-Gvern li ssejjaħ għall-kundanna ta’ Karol Aquilina, għall-imġieba pastaża u arroganti fil-konfront tal-iSpeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia.
Nifhmu li dawn is-sitt Deputati kienu ċari ħafna fil-pożizzjoni tagħhom waqt il-laqgħa twila tal-Grupp Parlamentari li saret fid-dar Ċentrali, u li kienet ikkaratterizzata minn argumenti sħan ħafna.
Il-laqgħa ntemmet mingħajr l-ebda intervent mill-Kap Bernard Grech, li ħalla l-kaos fost id-deputati tiegħu, b’uħud minnħom joħorġu l-barra b’tisbit ta’ binien, u oħrajn li waddbu jew sabbtu l-biros mal-iskrivaniji, u oħrajn li qamu minn posthom jgħajjtu u jsabbtu saqajhom.
L-unika soluzzjoni li nstabet kienet li l-Kap jagħmel stqarrija u kulħadd jitlaq il-barra mill-Kamra tad-Deputati.
Minn hawn il-quddiem ingħata bidu għal messa in scena straordinarja, bid-deputati jiktbu fuq Facebook u jdawwru l-attakk tagħhom fuq il-Gvern, flok fuq Karol Aquilina, jew il-Kap impotenti tagħhom.