L-EDITORJAL TA’ KARL STAGNO-NAVARRA
Il-mument li The Times fetħet attakk aħrax kontra Bernard Grech, u ġriet warajh għal ġustifikazzjoni għaliex ma attendiex il-protesta li organizzat xahar ilu fil-Belt, kien indikattiv tal-maltemp li kien qed jifforma fuq ix-xefaq.
Dak kien l-ispark għad-dikjarazzjoni ta’ gwerra minn Repubblika lejn it-tmexxija ta’ Grech fil-PN, u kien Karol Aquilina li ħa fuq spallejh ir-responsabbilta li jiżvesti lill-Kap tiegħu minn kull awtorita’ u jieħu f’idejh il-kontroll assolut tal-partit, inkluż tal-Grupp Parlamentari.
Mgħejjun bil-moħbi minn persunaġġ wara skrivanija f’kamra ta’ residenza fil-Fawwara, Karol Aquilina beda jħawwar il-pjan djaboliku tiegħu biex il-PN jaqleb il-gear u jħaffef il-proċess biex il-partit jikseb il-Gvern. Akkost ta’ kollox.
Hu propju dan il-ħsieb tiegħu li jirbaħ il-Gvern akkost ta’ kollox li rrendietu perikolożament inkontrollabbli, sal-punt li hu rappurtat li heddedd lill-sħabu fil-Grupp Parlamentari bl-aktar mod vulgari u dispreġġjattiv: “jien niġi ala bib-ż**** minnkom kollha…”
Minn hawn sħabu ndunaw li Karol ittrasforma ruħu f’valanga akbar mit-traġedja tal-Vajont fl-1963, u miegħu kien se jkaxkar lill-partit, kif ukoll lill-pajjiż lejn l-akbar kriżi politika li qatt rajna.
Mgħejjun minn ħuħ Robert – il-President ‘emeritus‘ tal-għaqda Repubblika – Karol fetaħ diversi fronti ta’ offensiva biex jistordi lill-PN.
Karol rikeb politikament fuq il-militantiżmu ta’ Jason Azzopardi bl-inkjesti abbużivi tiegħu kontra dak kollu li hu Laburist, u sfrutta l-kollużjoni ta’ xi ġurnalisti li rewwħu l-allegazzjonijiet fl-inkjesti biex jiddirezzjona l-aġenda tal-PN, u b’hekk rebaħ is-saħħa u l-influwenza fuq il-Grupp Parlamentari, meta Bernard Grech kien qed jaħdem b’kawtela u ma jorbotx mal-inaffidabilita’ ta’ Azzopardi.
Fil-mument li Grech kien se jingħata raġun fuq l-inkjesti insensati, Karol Aquilina mbarka fuq missjoni biex jagħti spalla u raġun lil sieħbu Azzopardi, u dan ħareġ fil-beraħ meta żied id-doża ta’ influwenza tieħu fil-Partit meta ġiegħel lill-uffiċċju informazzjoni tal-PN joħroġ stqarrija ta’ appoġġ għal Azzopardi u kundanna kontra tiegħi dakinhar li kkonfrontajtu f’Tas-Sliema dwar il-parkeġġ riżervat tiegħu.
Karol kellu juża l-istrumenti tal-PN biex iżomm ħaj l-attiviżmu ta’ Azzopardi għaliex fl-istrateġija tiegħu ma setax jaffordja jitlef il-momentum li laħqu ġabru t-talbiet tal-inkjesti tiegħu, l-agħa fuq ir-rilaxx wara ħames snin ta’ Yorgen Fenech mill-arrest preventiv, u ż-żewġ ċirasi fuq il-kejk, li għalih huma s-sigriet għar-rebħ tal-aġenda tiegħu: Il-każ bażwi kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u r-riforma li qed imexxi l-Gvern fil-Liġi dwar l-Inkjesti Maġisterjali.
Hekk kif il-każ infami kontra Joseph Muscat beda juri sinjali ċari ta’ djufija bl-espert Jeremy Harbinson jirrifjuta biex jixhed, Aquilina rvella u ħa l-parir li kien imperattiv li jkompli jwessa’ l-attakk – għal darb ‘oħra permezz ta’ Repubblika kontra r-riformna fil-Liġi dwar l-Inkjesti Maġisterjali.
Bil-PN mhux ilaħħaq mal-fronti kollha miftuħa kontra l-Gvern, u Karol Aquilina jimmanipula d-direzzjoni tal-attakki politiċi, Grech spiċċa impotenti, quddiem realta’ oħra li kienet qed tiżvolġi quddiemu. Karol ħa l-arja, u wasal biex tilef il-kontroll tiegħu nnifsu fil-Parlament u nfexx fl-iSpeaker.
Karol kien u għadu nervuż ħafna.
Il-kollass imminenti tal-każ tal-isptarijiet kontra Joseph Muscat, Chris Fearne, Edward Scicluna, Konrad Mizzi. Keith Schembri, u numru ta’ nies u kumpanniji oħra, b’xi mod irid ikun salvat, Għallinqas li jitwal iż-żmien li lkoll jinżammu bl-assi ffriżati.
Għal Karol Aquilina, dan il-każ u każi oħrajn qatt ma kienu dwar ġustizzja, iżda vendikazzjoni kontra l-Labour, in partikolari kontra Joseph Muscat.
Quddiem dan kollu, Bernard Grech baqa’ sieket, mutu u ma tħarrek qatt.
Ippermetta lil Aquilina jkompli jżid fit-ton arroganti u dispreġġjattiv lejn is-Sedja fil-Parlament. Urta lill-sħabu d-Deputati, u injora l-appelli tagħhom biex irażżnu, jissospendih u saħansitra biex ikeċċih.
Illejla qed nassistu għal melt-down totali ta’ sitwazzjon li Bernard Grech ġab b’idejh stess, eżatt bħalma ġralu Adrian Delia ħames snin ilu.
Kemm Grech u anki Delia ma kkalkolawx il-ħtieġa tad-dixxiplina, u ħolqu l-mostri li swewlhom posthom, u kollha jġibu l-firem tal-istess ‘usual suspects‘. Dawk ta’ Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Robert Aquilina u manwel Delia. Lkoll huam personaġġi li kienu l-perċimes kontra r-rivolta li neħħiet lil Delia.
Pero żomm, qed ninsa persuna, li daħal inkiss inkiss minn wara l-kwinti bla ma pajjiż sħiħ induna u bl-għajnuna tal-Fawwara u bl-iskuża – b’kumbinazzjoni ta’ Repubblika!
Jismu Simon Busuttil, li wara xhur ta’ tħambiq f’widnejh mingħand sħabu Karol u Jason, twebbel biex jirritorna u jimmilita, tant li beda jgħoġbu u jitħajjar dejjem aktar, biex dak il-pjan għal-vendetta politika tiegħu kontra l-Labour iwettqu, u jżomm ħajja t-tama tiegħu li xi darba jitla’ t-taraġ ta’ Kastilja bħala Prim Ministru.
Dan kollu jikxef kif Karol Aquilina kien iċ-ċavella biex mil-lejla, l-Partit Nazzjonalista ġarrab it-take-over li qatt ma ra ġej, mhux għax kien aljenat, izda għaliex spiċċa partit għażżien, imdejjen sa ruħ ommu, u mkisser minn personalitajiet b’karattri mnejjka u wiżq ambiżżjużi, li jfittxu biss l-interess tagħhom u qatt tal-partit.
F’dan il-kwadru kollu, kulħadd fit-tmexxija tal-PN, dawk f’ Repubblika u fl-organizazzjonijiet satelliti tagħhom, bjibqgħu għomja għal realta li li bl-aktar mod ostinat jibqgħu jinjoraw: Ir-rabja dejjem tikber tal-partitarji tal-PN, u l-korla tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, li issa xeba’ minn din l-establishment magħmula minn snobs u allat foloż.
Dan il-proġett iżda se jfalli u se jwassal għat-tmiem storiku tal-Partit Nazzjonalista u ta’ Repubblika flimkien.