Il-gazzetta ‘Illum’ żvelat kumment mingħand dak li ddeskriviet bħala “diriġent tal-PN” li qal li d-Deputat Għawdxi Alex Borg “iridha tal-prima donna, u jħobb lilu nnifsu aktar milli jħobb lill-partit.”
Din id-dikjarazzjoni saret fl-isfond ta’ rapport fil-faċċata tal-gazzetta ‘Illum’ li tkellmet dwar il-kaos li nħoloq fil-PN dwar l-imġieba ta’ Karol Aquilina fil-konfront tal-iSpeaker Anġlu Farrugia.
Filwaqt li kien spjegat li huma ħafna d-Deputati Nazzjonalisti li huma urtati bl-imġieba ta’ Aquilina, li minbarra li għajjar lill-iSpeaker fil-Kamra, dan qabad u ħareġ stqarrija f’isihom u bla ma kienu jafu, u li permezz tagħha attakka l-integrita’ u l-awtorita’ tas-Sedja.
Il-gazzetta ‘Illum’ ikkwotat lil dan id-diriġent għoli tal-PN jgħid li “Karol mhux mill-ħelwin nett, imma fuq din għandu raġun. L-iSpeaker mhux jaqdi dmiru b’imparżjalita. U dan Alex jafu, imma qed ikun prima donna. Iħobb lilu nnifsu aktar milli jħobb il-partit. Dan hu mument li nkunu magħqudin u wara l-Kap u mhux moħħna biex nidhru sbieħ. Borg huwa ambizzjuż imma bħalissa mhux il-mument li nkunu ambizzjużu!”
Il-kumment ta’ dan id-Diriġent għoli fil-PN, sar fl-isfond tal-intervisti li ta’ Alex Borg fil-jiem li għaddew lill-portal Lovin Malta u waqt il-podcast ta’ Ricky Caruana, fejn saħansitra qal li l-għafa ta’ inċident partikolari fil-Parlament, ħass li kellu jċempel lill-iSpeaker biex jiskuża ruħu għall-imġieba ta’ sħabu.
Filwaqt li ma speċifikax min minn sħaba ma ġabs ruħu sew, Alex Borg żid li l-iSpeaker saħansitra beka miegħu fuq it-telefon tant kien imweġġa bl-offiżi lejh.
Il-kwistjoni tqajjemet ukoll dalgħodui waqt l-analiżi tal-gazzetti tal-Ħadd fuq Television Malta 9TVMNews) bejn il-kummentaturi l-Avukati Chris Cilia u Malcolm Mifsud.
Il-kaos fi ħdan il-PN b’riżultat tal-imġieba ta’ Karol Aquilina, u li jidher li ħoloq qasma fi ħdan il-grupp paralmentari, mistenni jilħaq il-qofol tiegħu it-Tnejn filgħaxija meta l-Kamra se tiddiskuti u tieħu vot fuq Mozzjoni mressqa mill-Gvern u li titlob kundanna għall-imġieba ta’ Karol Aquilina.
Se jkun interessanti ħafna kif se jivvota Alex Borg.