L-eks Kummissarju Ewropew u Ministru Laburista Helena Dalli fajret sensiela ta’ mistoqsijiet skjetti lis-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-PN Charles Bonello, li f’intervista fuq ir-radju RTK qal li hu ħażin jekk in-nies jiskartawh, jew jiskartaw oħrajn li kienu jagħmlu parti mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi.
Bonello kien qal dan meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet relatati mal-baraxx ta’ kritika minn partitarji nazzjonalisti, li f’dawn l-aħħar jumejn mill-ħatra tiegħu, nfexxew b’rabja fuq ir-radju tal-PN Net FM.
Fuq Facebook, Helena Dalli elenkat numru ta’ mistoqsijiet lil Charles Bonello, li huma mibnija fuq l-istess prinċipju li qal dwar min ħadem fil-Gvern ta’ Lawrence Gonzi.
“Fejn kont meta l-PN (bl-għijnuna ta’ min jitfa’ l-ġebla u jaħbi idu) qalu li ma jaċċettaw lil ħadd li kien fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat għal xi kariga li tirrikjedi l-vot Parlamentari?”, staqsiet Helena Dalli.
Dalli kompliet tistaqsi: “Fejn kont dakinhar, kif qed titkellem illum?”
Helena Dalli kkonkludiet bil-ħsieb tagħha li “għax ta’ Joseph Muscat ħżiena u ta’ Lawrenve Gonzi tajbin, għalhekk forsi l-poplu takom daharu u baqa’ jagħtikom dahru.”