Għedtilkom il-bieraħ li hi biss kwistjoni ta’ siegħat qabel ma Simon Busuttil jerġa’ jibda’ jidher, u fil-fatt deher il-bieraħ filgħaxija stess ma’ ta’ Repubblika, fil-kumpannija ta’ Jason Azzopardi u ta’ Manwel Delia.
Busuttil – li rritorna Malta f’Jannar minn Brussels fejn ħadem fil-qalba tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) – issa qed jissejjaħ mill-klikka estrema u militanti tal-Partit Nazzjonalista biex jerġa’ lura fil-PN bħala l-Kap minflok Bernard Grech.
Simon Busuttil feġġ il-bieraħ filgħaxija fuq programm mtella’ minn Repubblika fuq il-YouTube channel tagħha, fejn tkellem bl-aħrax kontra r-riforma fil-Liġi dwar l-Inkjesti Maġisterjali.
Ir-ritorn fix-xena ta’ Busuttil qed ikun orkestrat minn Karol Aquilina, ħuħ Robert, Jason Azzopardi u Manwel Delia.
Fl-isfond tal-ħasda ta’ nhar il-Ħamis, meta faqqsu 32 ‘Blue Heroes’ ġodda li vvutaw kontra l-ħatra ta’ Charles Bonello bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-PN, wassal biex il-pjan li jkun ritornat Simon Busuttil bħala l-Kap flok Bernard Grech ġie mgħaġġel aktar mill-previst, tant li Aquilina diġà bagħat il-messaġġ lill-istess Busuttil biex jibda l-warming up tiegħu.
Aquilina ried li dan il-pjan jibda jieħu l-forma minn wara l-Għid, iżda l-affarijiet fi ħdan il-PN qed jiddeġeneraw b’ħeffa aktar milli mistennija.
Filwaqt li Aquilina qed jiffaċċja l-isfida tal-moderati permezz tal-Blue Heroes ġodda, hemm l-għadab għalih minn-naħa tal-Grupp Paralmentari li qed iħossuhom issoffokati mil-kontroll li kiseb tal-partit.
Il-grupp Parlamentari hu mħasseb bl-imġieba ta’ Aquilina fil-Parlament, partikolarment bl-aġir offensiv tiegħu lejn l-iSpeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia.
Il-pjan ta’ Aquilina jinkludi kampanja ta’ diżubbidjenza ċivili li se tkun marbuta mar-riforma fil-Liġi dwar l-Inkjesti, fejn bħalissa qed juża l-kuntatti ta’ Simon Busuttil fl-Ewropa, u qed jorganizza laqgħat mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Kunsill tal-Ewropa u diversi organizzazzjonijiet internazzjonali bl-iskop li jagħel ħsara lill-Malta.
Aquilina jrid juża kull skuża possibbli biex isaħħaħ idejh u permezz tal-klikka estrema u militanti li qed imexxi – b’Louis Galea jimbuttah – irid isaħħaħ idejh bil-kontroll tiegħu fuq il-PN.
Karol Aquilina jrid juża kull skuża possibbli biex iniżżel lin-nies fit-toroq, joħloq l-instabilita’ u jisforża lill-Prim Ministru biex isejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija.
F’dan il-pjan kollu jidħol Simon Busuttil bħala l-magħżul tal-klikka estremisti, biex iwassal lill-PN jaħtaf il-Gvern akkost ta’ kollox.
Simon Busuttil issa se jibda jkun aktar frekwenti f’intervisti u interventi waqt attivitajiet ta’’ Repubblika li permezz taghha se jkun qed jerġa’ jibni profil, li għandu jwasslu sal-punt li jkun propost bħala l-Kap il-ġdid tal-PN flok Bernard Grech.
Il-Ħadd filgħaxija, Simon Buasuttil se jerġa jitkellem fil-Belt waqt il-vġili ta’ Repubblika u Justice For Daphne biswit il-monument tal-Assedju l-Kbir.
Għall-dan l-avveniment se jattendi wkoll Karol Aquilina, li diġà avża lill-PN, li mhux se jattendi għall-maratona ġbir ta’ fondi fid-Dar Ċentrali.