Xi rwol kellu il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech il-bieraħ filgħaxija fl-Eżekuttiv, meta faqqsu 32 Blue Hero ġdid b’oppożizzjoni għall-ħatra ta’ Charles Bonello bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-PN?
Din kienet l-ewwel mistoqsija li bdew jagħmlu u għadhom qed jinvestigaw il-klikka ta’ estremisti u militanti fi ħdan il-PN li għadhom maħsuda bl-impatt ta’ 40% tal-Eżekuttiv li ħareġ kontra l-għażla tagħhom għal Segretarju Ġenerali.
Għall-estremisti tal-fazzjoni ta’ Karol Aquilina, mhux biżżejjed li jkunu identifikati n-nies li vvutaw kontra jew astjenew, iżda min hemm warajhom?
Fost l-estremisti hemm min qed jipponta subgħajh lejn il-Kap Bernard Grech, li ‘ħadimhom’.
Grech fil-fatt kellu jaċċetta l-impożizzjoni ta’ Bonello bħala s-Segretarju Ġenerali kwasi b’pistola ma’ rasu, u kellu jara l-pjan tiegħu b’nomina ta’ żewġ kandidati oħra li seta’ jaħdem magħhom, jiġu mbuttati ‘l barra mit-tellieqa u kellhom jirtiraw.
L-analiżi li qed issir bħalissa mill-estremisti biex iqaċċtu l-irjus wara din ir-rivolta, fil-fatt qed tibda fil-konfront tal-Kap Bernard Grech, u kif marru l-votazzjonijiet preċedenti biex erba’ snin ilu kien elett Michael Piccinino fil-kariga.
Biex wieħed jieħu kejl tal-impatt devastanti tal-assalt mit-32 Blue Heroes, wieħed irid iqabbel kif ivvotaw fl-Eżekuttiv meta ntgħażel Michael Piccinino, f’żewġ okkażjonijiet.
Il-messaġġ tal-Blue Heroes il-bieraħ kien ċar u qawwi, tant li l-impatt tagħhom kien ta’ ftit aktar minn 40% b’voti kontra, astensjonijiet jew assenti.
Minn total ta’ 88 membru bil-vot fl-Eżekuttiv, il-bieraħ sabbtu saqajhom il-moderati permezz ta’ 11-il vot kontra. Tlett astensjonijiet u 18 li lanqas biss indenjaw imorru jivvutaw.
Meta wieħed iqabbel iżda kif mar il-predeċessur Michael Piccinino, li kemm ilu Segretarju Ġenerali, għadda minn żewġ voti ta’ konferma fl-Eżekuttiv, dan kien mar ferm aħjar minn Charles Bonello.
Erba’ snin ilu, Piccinino kien kiseb 77 vot favur, 8 kontra u 3 invalidi.
Sentejn ilu, waqt vot ieħor ta’ konferma, Piccinino kiseb 66 vot favur, 1 kontra u 1 invalidu.
Xi jfisser dan kollu?
Ifisser li l-front tal-Blue Heroes li nfetaħ il-bieraħ filgħaxija għandu l-impronta tal-Kap Bernard Grech, li qed jindika li l-ħatra ta’ Charles Bonello bħala s-Segretarju Ġenerali biex jaħdem miegħu, kienet imposta bħal pistola ma’ rasu.
Grech, li llum sar impotenti quddiem il-ħtif tal-PN minn Karol Aquilina, qed ikun mixli li ħadem kontra Aquilina, u għen lill-Blue Heroes biex jibdew iqajjmu reżistenza kontra l-fazzjoni militanti u estremisti.
Qed iwaħħlu fih ukoll għat-telefonati li qed isiru minn partitarji nazzjonalisti li qed jesprimu r-rabja tagħhom għal li ġara fuq NET FM.
Min jaf kif ivvota Bernard Grech il-bieraħ filgħaxija?