L-isfida tat-32 ‘Blue Heroes’ ġodda kontra l-fazzjoni militanti u estrema tal-PN, bdiet ħafna siegħat qabel ma ttieħed il-vot li ħasad lil Karol Aquilina il-bieraħ filgħaxija.
Fil-fatt, l-azzjoni ta’ dawn il-Blue Heroes bdiet malli ntemm il-vot fil-Parlament nhar l-Erbgħa filgħaxija, u l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kollu kien msejjaħ ikun preżenti għal messaġġ tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li xxandar ukoll Live fuq Net Television.
Kull MP Nazzjonalista kien msejjaħ jieħu postu wara Grech f’set up li ttella’ mat-taraġ biswit il-Parlament.
Iżda kien hemm erba’ Deputati neqsin! L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, u d-Deputati Ivan J. Bartolo, Carm Mifsud Bonnici u l-Għawdxi Alex Borg ma deheru mkien – anki jekk kienu fil-Parlament sa ftit tal-ħin qabel.
Adrian Delia, Carm Mifsud Bonnici, Ivan J. Bartolo u Alex Borg assenti waqt ix-xandira tal-messaġġ tal-Kap Bernard Grech
L-assenza tagħhom nhar l-erbgħa kien diġà ndikattiv tal-furur li tqajjem fi ħdan il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista aktar kmieni dakinhar, għall-fatt li Karol Aquilina qabad u ħareġ stqarrija f’isimhom u minn wara darhom, biex jattakka bl-aħrax l-intergrita’ tal-iSpeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia.
Delia, Mifsud Bonnici, Bartolo u Borg lkoll għandhom vot fi ħdan l-Eżekuttiv tal-PN, u l-bieraħ dawn rriżultaw fost it-18 l-assenti għall-vot ta’ Charles Bonello.
Fil-filmati mxandra minn Net News il-bieraħ filgħaxija, Delia, Bartolo u Borg ma jidhru mkien.
Quddiem dan il-qawmien b’saħħtu tal-fazzjoni moderata tal-PN kontra l-estremisti ta’ Aquilina, il-Kap Bernard Grech jibqa’ impotenti u ċass.
L-isfida mħollija fil-konfront tal-estremisti wasasal biex dalgħodu mbeżaq Ivan J. Bartolo minn Net News billi kkonfermaw l-assenza għall-vot ta’ Ivan J. Bartolo.
Imiss issa l-attakk fuq Adrian Delia, Mifsud Bonnici u Alex Borg, li ilhom jaħdmu flimkien kontra Aquilina, anki jekk fuq il-meżżi soċjali tagħhom bagħtu l-awguri tagħhom lil Charles Bonello għall-ħatra tiegħu bħala s-Segretarju Ġenerali ġdid.