Mhux se tintwera l-ebda ħniena mill-estremisti fil-PN, lejn it-32 ‘Blue Heroes’ ġodda, li l-bieraħ filgħaxija ħasdu l-vot fl-Eżekuttiv li ħatar lil Charles Bonello bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid.
Il-ħasda għall-estremisti mmexxija minn Karol Aquilina, kienet kbira tant, li sa minn ftit ħin wara r-riżultat, ngħata bidu għal proċess ta’ identifikazzjoni tal-oppożituri, li bi 32 vot kontra minn 88 eliġibbli għal vot fl-Eżekuttiv, jirrappreżentaw fazzjoni b’saħħitha ta’ 40%.
Lil hinn mil-logħob bin-numri mill-Uffiċċju Stampa tal-PN li b’qerq qalu li Charles Bonello kiseb 84% tal-vot, il-fatti juru li l-estremisti riedu li tinħeba l-verita’ skomda ħafna li bdew jiffaċċjaw Karol Aquilina u sħabu fil-PN.
It-84% mhux biss kienet gidba u fake news iġġenerata mill-Uffiċċju Stampa tal-PN, iżda mossa ċara ta’ ċensura sfaċċata mill-istess Karol Aquilina, biex jaħbi d-dikjarazzjoni ta’ gwerra li qed issir fil-konfront mill-moderati li bdew iqajjmu rashom.
Minn total ta’ 88 persuna li jiffurmaw l-Eżekuttiv tal-PN, 32 ivvutaw kontra Charles Bonello, li tpoġġa hemm mill-fazzjoni ta’ Aquilina, u li spiċċa jtellaq waħdu wara li żewġ kontestanti oħra kienu mġiegħla jirtiraw in-nomina.
Minn dawn it-32, 18 minnhom lanqas biss indenjaw li jattendu għal din il-laqgħa biex jivvutaw, filwaqt li l-bqija nqasmu fi 11-il vot kontra u tlett astensjonijiet.
Id-dwal fl-uffiċċji tad-Dar Ċentrali baqgħu mixgħula sas-2am dal-lejl, fejn il-klikka ta’ estremisti, taw bidu għal eżerċizzju ta’ identifikazzjoni ta’ dawk li bagħtu s-sinjal ċar li qed jopponu l-istrateġija militanti.
Għall-estremisti, dak li ġara waqt il-vot fl-Eżekuttiv kienet doċċa kiesħa ħafna, u fetaħ front mhux mistenni, li għandu l-potenżjal li jħarbat kull pjan li tħejja biex il-PN jibda kampanja ta’ diżubbidjenza ċivili fil-pajjiż, bl-għajnuna ta’ Repubblika, li hi mmexxija minn Robert Aquilina.
Bl-iskop li dan il-pjan ma jitħarbatx, l-estremisti huma rrappurtati li jridu jagħtu bidu għal ‘purge’ li tfisser xkupatura l-barra ta’ kull min ma jaqbilx magħhom. Kien hemm min saħansitra rraġuna li din l-ixkupatura teħtieġ issir ‘illum qabel għada’.
Il-fazzjoni moderata fil-PN li nediet l-isfida l-bieraħ filgħaxija, jinkludi Deputati Parlamentari Nazzjonalisti u attivisti magħrufa, li diġà kienu voċiferi internament fuq l-imġieba pastaża u vulgari minn Karol Aquilina fil-Parlament, u l-ardir tiegħu li joħroġ stqarrija f’isimhom kontra l-iSpeaker bla ma kienu jafu fil-Grupp Parlamentari.
Fis-siegħat li ġejjin, mistennija aktar żviluppi fid-Dar Ċentrali u anki barra l-kwartieri f’Tal-Pieta’, fejn naha jew oħra għandha tagħmel l-ewwel kontra-attakk .