MIŻJUDA DETTALJI ĠODDA FIT-23:27
Qed jitqiesu bħala ’32 Blue Heroes’ ġodda li faqqsu llejla permezz tal-vot kontra, astenzjoni jew assenza tagħhom waqt l-elezzjoni importanti fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-PN, li eleġġa lil Charles Bonello bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-partit.
Huma 32 vot kontra Charles Bonello minn total ta’ 88 Membru tal-Eżekuttiv li kienu eliġibbli għall-vot f’dan l-organu importanti u b’poteri deċiżjonali fil-PN.
32 vot kontra, jitqiesu bħala sostanżjali, f’mument ta’ ħatra ta’ persuna f’kariga daqstant importanti tat-tieni l-akbar partit fil-pajjiż.
Dan ifisser li Charles Bonello – eks segretarju privat ta’ Lawrence Gonzi – ġarrab vot ta’ protesta ta’ kwasi 40%, kuntrarju għal dak li l-uffiċċju stampa tal-PN għadda lill-gazzetti The Times u MaltaToday li kkwota “vot qawwi ta’ 84% favur”.
F’numri żgħar ta’ voti eliġibbli, f’dan il-każ 88, total ta’ 32 vot kontra hu sinifikanti, u jinfluwenza l-vot b’mod qawwi.
Fil-fatt minn dawn it-32, kien hemm 11-il vot direttament kontra Bonello, tlett astensjonijiet u 18 li litteralment lanqas indenjaw ruħhom li jattendu biex jivvutaw.
Lil hinn mill-applawsi u t-tgħannieq tal-membri preżenti għal-laqgħa, il-fazzjoni militanti u estrema tal-PN ħaditha b’offiża, tant li tat bidu għal eżerċizzju ta’ identifikazzjoni ta’ dawn it-32.
Fil-fatt il-vot kontra, l-astensjoni jew assenza hu messaġġ ċar tal-fazzjoni moderata tal-PN li qed tipprova tirrispondi għall-aggressjoni tal-fazzjoni estremista mmexxija minn Karol Aquilina li ħadet over kollox fil-PN.
Hu propju għalhekk li dak li ntqal mill-PN lill-media li Bonello kiseb 84% tal-vot hu falż u rifless tal-paniku tal-fazzjoni estremista li qed tipprova tmewwet l-impatt ta’ sfida bħal din.
Charles Bonello tellaq waħdu u kien mistenni li jikseb vot b’saħħtu, li fil-fatt ma kisibx.
Sa ġimgħa ilu, kien hemm żewġ kontestanti oħra li spiċċaw kellhom jirtiraw mit-tellieqa wara pressjonijiet kbar li saru fuqhom għaliex l-establishment estremista ma ridiethomx.
Saħansitra l-Kap Bernard Grech, b’pistola ma’ rasu kellu jagħmel dikjarazzjoni waqt programm fuq ir-radju RTK, li “mhux kulħadd hu maqtugħ” għal Segretarju Ġenerali, u żioed li “kellu f’moħħu” min seta’ jokkupa l-kariga – Charles Bonello.
Imkejjen viċin il-PN, illejla qalulna li dawn it-32 jistgħu jibdew jitqiesu bħala l-‘Blue Heroes‘ il-ġodda li qed jibdew juru r-reżistenza tagħhom kontra l-kolp ta’ stat mwettaq minn Aquilina.
Din hi l-ewwel darba, li fi ħdan il-PN qed ikun hemm sinjali ċari ta’ reżistenza kontra l-estremisti, u din tal-lejla qed titqies bħala l-mixgħela ta’ miċċa f’maħżen tal-porvli.