Id-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg, żgur taqta’ figura aħjar tirreċta (mhux tkanta) milli tipprova konvenjentement tkun ‘simpatetika’ ma’ Carmelo Abela, wara li għadda mill-martirju tal-kalunja infami li għamillu Jason Azzopardi.
Nhar is-Sibt li għadda, id-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg ‘ħassret’ lil Carmelo Abela, u żiedet li ‘ħaqqu jerġa jkun Ministru’ wara li rebaħ il-libell kontra Azzopardi.
Nistaqsi iżda, fejn kienet Claudette Buttigieg matul dan iż-żmien kollu li Carmelo Abela u l-familja tiegħu kienu għaddejjin minn dan l-attakk faħxi kontrihom minn Jason Azzopardi?
Smajtu xi ħaġa fil-pubbliku fejn Claudette Buttigieg iddenunżjat lil Jason Azzopardi?
Jew qed titkellem issa wara li ftakret fil-prezz politiku li kellha tħallas fl-Eleżżjoni Ġenerali tal-2022, wara li l-elettorat Nazzjonalista pattihielha għall-parteċipazzjoni tagħha fil-kolp ta stat intern kontra Adrian Delia?
Filwaqt li fuq l-istess stażżjon, kif ukoll quddiem l-istess preżentatur, fl-2023, Claudette Buttigieg kienet iddikjarat li ma kien ‘jiddispjaċiha xejn’ minn dak li għamlet lil Delia. Forsi qed taħseb li jkun aħjar li tbenġilha mal-elettorat u tkun aktar ħanina?
Għaliex ma esprimietx dispjaċir għal li għamlet lil Delia, li kien jinkludi wkoll għadd ta’ kalunji li wasslu biex tfarrkitlu familja – u jiddispjaċiha għal Carmelo Abela?
Issa qed idejjaqha Jason Azzopardi?
Jason Azzopardi ma kienx ukoll wieħed mill-perċimes li kien wara t-tneħħija ta’ Delia? Kien spalla magħha dan.
Kemm hi tajba din Claudette! Jaqaw mort Lourdes, Fatima jew Medjugorje?
Kellek xi apparizzjoni?
Nistaqsi għaliex ma ddenunżjajtx lil Jason Azzopardi, fi ħdan il-Grupp Parlamentari tal-PN jew ma’ Repubblika, li rikbu fuq il-gidba sfaċċata ta’ Jason Azzopardi?
Fejn kienet Claudette Buttigieg meta kienet taħt attakk sfaċċat id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar, bil-pubblikazzjoni ta’ chats privati tagħha?
Mela nsiet li anki Rosianne kellha tirriżenja minn Segretarja Paralmentari?
U xi ngħidu għall-attakk fuq Edward Zammit Lewis?
Dawn l-attakki nfami kollha ġabu l-firma ta’ Jason Azzopardi, filwaqt li l-għażiża u s-simpatetika Claudette Buttigieg, baqgħet gallarija!
M’hiex tosta wkoll!
Sa fejn naf jien tul dan iż-żmien kollu, Claudette Buttigieg attendiet għal meetings, u anki dimostrazzjonijiet u vġili fejn kienu ripetuti l-allegazzjonijiet koroh kontra Carmelo Abela. U nfakkar f’ħafna minn dawn l-okkażjonijiet kienet ukoll spalla ma’ spalla ma’ Jason Azzopardi.
Claudette, tassew tilgħab l-irwol perfett għall-parodija ta’ ‘Sleeping Beauty’.