Hekk kif l-evidenza fil-Qorti kontra l-eks Prim Ministru Malti Joseph Muscat fil-każ dwar l-isptarijiet qed tisfuma fix-xejn, bħal fenek minn ġol kappell tas-saħħar, ifeġġ Evarist Bartolo f’intervista ma’ Lovin Malta.
Ma niġbax ngħid li f’din iċ-ċkejkna Malta tagħna, xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni.
Kulħadd jaf bl-istorja tax-xenata li qajjem Evarist Bartolo waqt il-laqgħa tal-Kabinett f’Kastilja f’lejl xitwi ta’ Diċembru tal-2019.
Smajna l-istorja ripetuta ‘ad nauseam’ li Varist ma kienx kuntent.
OK, granted! Varist kellu kull dritt li jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq ċerti affarijiet, iżda kemm-il darba kien rassikurat minn Joseph Muscat, li hu qatt ma kien jaf x’kien għaddej u min seta allegatament kien wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Varist ma aċċettax ukoll li jidħol għar-ritratt tal-grupp ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari li attendew għal dik il-laqgħa tal-Kabinett, OK granted ukoll! Kellu kull dritt ma jkunx fih ukoll.
Dawn l-affarijiet kollha nafuhom, u ilna nafuhom minn dak il-lejl stess. Qrajna fuqhom u smajna dwarhom ripetutament matul dawn l-aħħar snin.
Il-fatt jibqa’ iżda, u donnu ċerti ġurnalisti donnhom jiddejqu jammettu, hu l-fatt li dik il-laqgħa tal-Kabinett kien proprju l-qofol tal-investigazzjoni li wassal għall-arrest tal-allegati mħuħ wara d-delitt oxxen.
Kienet laqgħa li semgħet mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija, kif ukoll mill-Avukat tal-Istat dwar x’riżultati taw l-investigazzjonijiet tal-esperti ‘veri’ tal-FBI Amerikana u tal-Forensika Olandiżi, li ssejħu Malta fuq talba tal-istess Joseph Muscat, u li permezz tal-ħidma konġunta mal-Pulizija Maltija,i l-każ issolva!
Kienet laqgħa tal-Kabinett li ddiskuta l-aħħar żviluppi fl-investigazzjoni, fuq min kien arrestat, u min talab li jingħata l-maħfra Presidenzjali.
Niftakru – għaliex faċli ninsew – li kien hemm żewġ persuni li kienu qegħdin jitolbu għal maħfra. Intgħażel wieħed.
Allura nistaqsi, x’kien il-mottiv li terġa taqla lid-dinosawri biex nerġgħu inqajmu dubji fuq dak li m’għadux, għaliex hemm fatti ċari li jitkellmu għalihom?
U nerġa fuq il-kumbinazzjonijiet…
Persuna oħra li tidher fl-intervista, għandha mistoqsijiet pendent kbar u serji mhux imwieġba, partikolarment dwar allegata aġenda barranija li tista tkun qed tinfluwenza.
Bħlma għedt diġa, u nibqa nirrepeti, kif f’din Malta tagħna: Xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni!