Bonġu,
Fil-jiem li għaddew il-Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-Avukat Ġenerali, kif ukoll lill-Pulizija biex jagħlqu l-provi fil-każ tal-iskandlu ta’ korruzzjoni multi-miljunarju taż-żejt, li fiħ hemm mixli l-akbar benefattur tal-PN u sid tal-kumpannija Forestals, Tancred Tabone.
Il-każ ilu pendenti 11-il sena, u jirriżulta li għadu mwaħħal quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, u agħar, lanqas biss ingħalqu l-Atti biex jintbagħtu għand l-Avukat Ġenerali, u jinħareġ Att ta’ Akkuza biex dan jgħaddi ġuri fuq għemilu.
Għal dan id-dewmien inspjegabbli – li tal-Partit Nazzjonalista u ta’ Repubblika, konvenjentement ma jgħidu assolutament xejn – il-Qorti lkkumpensat lil Tancred Tabone €7,000!
Dak m’hu xejn!
Ftit xhur ilu, l-istess Tancred Tabone kien ikkumpensat bi €15,000 oħra mill-Qorti, minħabba ż-żmien twil li l-Istat qed iżomm l-assi tiegħu ffriżati!
Mur ġib x’kienu jagħmlu tal-Partit Nazzjonalista u ta’ Repubblika, li kieku dan Tancred Tabone kien benefattur jew esponent tal-Partit Laburista.
Nassigurakom li kieku waqqgħu l-kolonni tal-Qorti, bl-għajjat ta’ Mafja! Mafja!
X’għedt jien? Mafja?
Eh! Ok!. Ħa nitkellem fuq il-mafja mela…
Tancred Tabone tressaq il-Qorti ftit ġimgħat qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013, wara li l-gazzetta MaltaToday kienet kuraġġjuża u żvelat l-akbar skandlu multi-miljunarju fix-xiri taż-żejt għall-Enemalta.
Il-Gvern ta’ GonziPN, dakinhar f’paniku malajar laqqa’ l-Kabinett u taw maħfra Presidenżjali lil-George Farrugia, benefattur ieħor tal-PN, u sponsor ta’ Austin Gatt u ta’ Tonio Fenech.
Tabone – benefattur straordinarju tal-PN – jiġi prim kuġin ta’ Austin Gatt, li ħatru Chairman tal-Enemalta, fejn iffanga u faqa’ l-bwiet tiegħu bil-miljuni bl-aktar mod oxxen, u dan fi żmien meta Gatt u sidu Lawrence Gonzi vvutaw bil-qalb fil-Parlament għall-aktar kontijiet ħorox tal-enerġija li setgħu jimponu fuq il-familji u fuq in-negożji Maltin u Għawdxin.
Iżda għal Repubblika u tal-Partit Nazzjonalista din mhux mafja!
Anżi nżommu kollox kwiet. L-aqwa li niddimostraw kontra l-Prim inistru Robert Abela, Joseph Muscat, Jonathan Attard u Byron Camilleri.
Basta nagħmlu kampanji distruttivi kontra l-pajjiż fil-fora internazzjonali.
Mela ħa nipprova mod ieħor nispjegalkom fuq il-mafja vera:
Se nerġa lura għad-digriet tal-Qorti tal-Appell Kostituzzjonali li ftity jiem ilu tat €7,000 kumpens lil Tancred Tabone, minħabba d-dewmien biex il-każ jiċċaqlaq minn quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.
Ara tgħoġbokx din:
Biex jiġġustifika d-dewmien fil-każ, il-prosekutur tal-Istat weħħel f’dak li sejjaħ bħala ‘stennija pendenti ta’ ittri rogatorji u informazzjoni minn pajjiżi barranin’.
Aktar minn hekk, qal ukoll li diversi xhieda li jrid iressaq Tancred Tabone, “laħqu mietu”.
Tajba din!
Ara f’Ta’ Yorgen Fenech, Kieth Schembri u Konrad Mizzi, malajr mxew ir-rogatorji u kienu attivati l-forżi kollha biex kienu ssekwestrati kontijiet u assi barra l-pajjiż. Saħansitra nħarġet ordni ta’ persona non grata kontra t-tlett akkużati fil-każ 17 Black, mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan!
U dan għaliex kien hemm pressjoni kbira minn Repubblika u l-Partit Nazzjonalista, li saħansitra niżżlu lin-nies fit-toroq.
Iżda dik apparti, ħa nitkellmu fuq il-mejtin ta’ Tancred Tabone.
Minn mindu l-prosekutur tal-Istat jinkwieta fuq ix-xhieda tal-akkużat?
Dik kwistjoni tad-difiża. Jekk dawn mietu, mietu! Aqta mil-lista u mexxi għażżien jew inkompetenti!
X’qed jistenna dan il-prosekutur? Li jiftaħ il-Vanġelu u jittama fil-miġja mill-ġdid ta’ Kristu fost il-bnedmin u jqajjem lix-xhieda mil-mewt, bħalma għamel ma’ Lażżru?
X’kull waħda wkoll!
Jekk din mhux kif taħdem il-Mafja, sibuli tifsira oħra, għaliex ġbajt b’din l-ipokreżija u karattri strambi li jikkontrollaw lill-Qrati u jimmanipulaw każi, u ġurijiet.
Wasal iż-żmien li l-Ministru għall-Ġustizzja jibda jnaddaf u jpoġġi lin-nies – huma min huma – f’posthom.
Il-poplu jrid ġustizzja vera, mhux kummiedji u skużi banali.
Nitlobkom biex flimkien, insegwu fil-qrib fil-ġimgħat li ġejjin iż-żewġ seduti ordnati mill-Qorti tal-Appell, biex il-każ Tancred Tabone u ta’ sieħbu l-inkallat l-ieħor Frank Tabone jitla’ quddiem ġuri, u jeħlu li ħaqqhom.
FIS-SIEGĦAT LI ĠEJJIN SE NIŻVELA AKTAR SKANDLI MARBUTA MAS-‘SUPER-BENEFATTUR’ TAL-PN, L-EMINENŻA TIEGĦU TANCRED TABONE