L-għeluq ghal 48 siegha għall-aċċess tiegħi għall-media soċjali fejn kont qed nikteb, nirrakkonta u nesponi x’qed jiġri fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, mhux inċident iżolat, jew sempliċiment xi bravata ta’ wħud.
Kien biss permezz ta’ intervent ta’ zaghzugh Ghawdxi li jghix fi New York, fl-Istati Uniti, li stajt inressaq appell b’sahhtu quddiem META u li wasal biex tregghet lura decizjoni amministrattiva, u nerga ninghata l-access ghall-pjattaforma Facebook.
Dan hu biss parti minn pjan djaboliku li qed jinħema minn uħud li l-uniku skop tagħhom hu li jrażżnu kull vuċi kuntrarja għal tagħhom. Ħa nispjega x’qed jinħema.
Ili ġurnalist għal aktar minn 30 sena. Naf in-nies, għandi l-kuntatti u nirżievi u ngħarbel l-informazzjoni.
Iżda nassigurakom, li qatt daqs illum ma ninsab mħasseb meta nanaliżża u ngħarbel kull messaġġ li jasal għandi mill-kamp nazzjonalista.
L-imġieba fil-Parlament nhar it-Tlieta filgħaxija, u fil-ġurnata ta’ qabel mid-Deputat Karol Aquilina jinkwetani ħafna. Din l-imġieba ta’ sfida u ta’ bla rispett lejn l-awtortita’ u l-integrita’ tas-Sedja tal-Ispeaker tal-Kamra Dr Angelo Farrugia, tikkonferma l-messaġġi ripetuti li qed jasluli mid-Dar Ċentrali.
Naf li anki l-Kap tal-PN Bernard Grech jinsab inkwetat u inkwetat ħafna.
L-imġieba ta’ Karol Aquilina hi sovversiva.
Mgħadud ma’ din l-imġieba hemm ukoll l-istqarrijiet li qed jagħmel in-Nutar Robert Aquilina ta’ Repubblika. Dan hu tandem li qed jaħdem bi skop ċar: Li l-pajjiż jiżżerżaq lejn id-diżubbidjenża ċivili.
Din id-diżubbidjenza qed tkun ipproġettata li tisforża s-sejħa għal Elezzjoni Ġenerali bikrija, u jiġu jaqgġu u jqumu minn mandat elettorali b’saħħtu ħafna li kisen Robert Abela fl-2022, bħala l-Mexxej tal-Partit Laburista.
Fil-PN Bernard Grech ma fadallux kontroll, iżsa nemmen li għad fadallu għallinqas vuċi u kuraġġ li mhux sempliċiment jikkundanna lil Karol Aquilina u jiddisassoċja minn ma’ Repubblika u r-rikatti kontinwi lejh, iżda għandu jkun Malti biżżejjed biex ifittex fil-kotba tal-istorja u jagħmel bħal Eddie Fenech Adami fl-1981 meta keċċa lil Josie Muscat mill-PN.
Malta jixirqilha Partit Nazzjonalista li tkun tassew Nazzjonalista u mhux populista sovversiva, fejn karattri biżżarri u ta’ bla ebda mistħija jiitħallew jiġbdu l-ispag ta’ partit, Kap jew grupp parlamentari.
Bernard Grech – jekk irid isalva l-post diġà kkundannat tiegħu – għandu jkun Malti biżżejjed biex iwaqqaf fil-ħin lil Karol Aquilina u lil kull min hemmm assoċjat mal-pjan tiegħu.
Grech jaf x’qed ngħid, u nippretendi li jaġixxi ta’ Kap u mhux ta’ pupazz.
Lilkom kollha li ssegwu kitbieti, tmissu qatt jew irrispondu qatt lill-aħwa Karol u Robert Aquilina. Tireaġixxu qatt għall-ebda provokazzjoni jew intimidazzjoni.
Aħna m’aħniex bħalhom, u kull deni liljhom, ipaxxi dejjem il-proġett tagħhom.
Ir-reżistenza tagħna kontra dawn is-sovversivi tintwera BISS bl-għaqda tagħna madwar il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.
F’kull sejħa tal-Partit Laburista, għandna nattendu bi ħġarna, nisimgħu u nxerrdu l-imħabba lejn Malta tagħna, u nipproteġu l-impjiegi, lill-familji u lin-negożji tagħna.
Aħna ma nsaħħnu qatt l-irjus. Aħna nagħtu garanziji ta’ wens. Aħna nagħtu serħan il-moħħ li fostna ma teżistix mibgħieda, iżda ħidma bis-saħħa kollha favur Malta u l-bandiera bajda u ħamra.