Lill-Ministru Roderick Galdes ili nafu s-snin, u nistqarr li jekk hemm persuna li dejjem wera rispett lejja – anki meta kont man-naħa l-oħra – kien propju hu.
Inkwetajt fil-jiem li għaddew għal mod kif diversi kienu dawk li ħaduha kontrih wara li l-ħabib tiegħi Neville Gafa ippubblika xi blogs fejn tkellem fuq l-impjieg mogħti lil Edward Mizzi, eks Nazzjonalist, li daħal jaħdem fl-Awtorita’ għad-Djar.
Ma nemminx li Edward Mizzi għandu jkun rifjutat impjieg għas-sempliċi raġuni li hu eks Nazzjonalist. Jien ukoll kont fl-istess sitwazzjoni tiegħu.
Ma nistgħux lanqas neħduha kontra l-Ministru Roderick Galdes.
L-ewwelnett għaliex m’għandux x’jaqsam mal-ingaġġ tan-nies fl-Awtorita’ għad-Djar, u t-tieni nett Galdes hu ffukat u għandu jkun iffukat fuq il-politika għall-bini u l-provvista ta’ djar għal-ħousing soċjali, u l-housing affordabbli,.
Mhix xi biċċa xogħol faċli.
Lil Roderick Galdes dejjem nafu bħala rett u fuq kollox bħala Laburist li jemmen fil-ġustizzja soċjali. Pero’ naf lil Roderick Galdes determinat li ma jagħlaqx għajnejh quddiem l-arroganza u l-abbużi ta’ wħud, li jemmnu li ħadd ma jista’ għalihom.
Dan l-attakk inġust qed isir fuq il-Ministru Galdes, għaliex skonthom ippermetta lil Edward Mizzi jaħdem fl-Awtorita tad-Djar.
Edward Mizzi bħali għadda mill-attakki li jafu jagħmlu l-Partit Nazzjonalista.
Nafu kemm kapaċi jweġgħuk la darba jagħsruk, jarmuk.
Dan kollu għaliex kien ħadem għal Adrian Delia! Ma jifilħuwix li persuna bħal Edward Mizzi, għażel li jitlaq mill-fazzjoni Nazzjonalista u jissieħeb mal-Moviment Laburista.
Jaħsbu li jekk persuna tagħżel li titlaq mill-Partit tagħhom, ħajjitha u xogħolha jridu jieqfu. Jagħmlu minn kollox sabiex jeqirdu lill-persuna.
Nemmen bis-sħiħ li kull min għandu l-kuxjenza nadifa u r-rieda li jaħdem għall-ġid tal-poplu għandu jkun milqugħ f’dan il-moviment. Il-lealtà tagħna trid tkun lejn in-nies.