Għall-ewwel darba mindu fil-Qorti bdiet tiżvolġi l-pantomima ta’ Jeremy Harbinson, li baqa’ jinsisti li ma jridx jixhed fil-każ dwar l-isptarijiet, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ammetta li dan l-espert tal-Maġistrat Gabriella Vella hu ‘xhud indispensabbli.’
Din l-ammissjoni wasslet biex l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ressaq talba ddisprata biex għallinqas il-Qorti tiġbor xi forma ta’ xhieda tiegħu permezz ta’ ittri rogatorji . Talba iżda li sabet oppożizzjoni qawwija min-naħa tal-Avukati difensuri tal-akkużati kollha fil-każ li qed jikkrolla quddiem l-Avukat Ġenerali.
Il-Qorti m’għandiex tippermetti li jinħela’ aktar ħin fuq is-suppost ‘espert’ Jeremy Harbinson, u teħtieġ tiddeċiedi biex dan jinstema’ ‘viva voce’ u mhux b’ittri rogatorji li kapaċi jieħdu x-xhur biex jinkisbu r-risposti, filwaqt li l-akkużati fil-każ dwar l-Isptarijiet jibqgħu mdendlin b’ordnijiet ta’ ffriżar fuqhom.
L-Avukati Franco Debono u Charles Mercieca li dalgħodu kienu qed iwieġbu għas-sottomissjonijiet tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u żiedu kif fid-dawl tal-‘indispensabbilta’ tax-xhud, dak li qed jitlob l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għal ittri rogatorji, ma jistax jintlaqa’ mill-Qorti, għaliex tmur kontra l-Liġijiet tal-pajjiż..
Dan għaliex skont il-Liġi, Jeremy Harbinson mhux biss hu xhud, iżda hu l-espert mqabbad mill-Qorti f’Inkjesta Maġisterjali, u l-konklużjonijiet tiegħu huma s-sisien tal-akkużi li nħarġu kontra l-akkużati kollha, li jinkludi wkoll lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Liġi tinsisti li xhud bħal Harbinson għandu jinstema’ ‘viva voce’ u mhux b’ittri rogatorji, filwaqt li t-talba tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali se jservi biss biex jitwal bla limitiu ż-żmien tal-każ kontra l-klijenti tagħhom, li minbarra l-akkużi, għandhom ukoll ordni ta’ ffriżar tal-assi kollha għall-valur ta’ €30 miljun kull wieħed.
L-avukati Debono u Mercieca separatament insistew mal-Qorti li jekk kemm-il darba Harbinson qed jitqies bħala ‘indispensabbli’ allura l-Qorti teħtieġ tiddeċiedi bla dewmien li tordna li jixhed quddiemha u mhux li jinħlew ix-xhur bi preġudizzju għall-akkużati kollha.
Filwaqt li l-Maġistrat Rachel Montebello mistennija tagħti digriet dwar dan fil-jiem li ġejjin, l-Avukati Debono u Mercieca nsistew li dak li l-ittri rogatorji li qed jipproponi li jsiru mill-Avukat Ġenerali jikkonċernaw persuni li jkunu maħrubin mill-ġustizzja, jew xhieda ostili li ma jkunu iridu jinkriminaw ruħhom.
Għaldaqstant, il-liġi Maltija teżiġi li xhud bħal Jeremy Harbinson – li fuq kollox hu l-espert ewlieni fl-Inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella – jeħtieġ li jinstema’ b’wiċċu u b’leħnu quddiem il-Qorti Maltija, kif fil-fatt sostniet saħansitra l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) f’kawża li kien għamel ċittadin Malti li dam żmien twil ħafna mdendel b’każ kriminali kontrih minħabba kwistjonijiet dwar ittri rogatorji.