Il-familja taż-żagħżugħa Lisa Marie Zahra li nqatlet 11-il sena ilu fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli ġustament qed jinsisti għal tweġibiet fuq kif Erin Tanti, seta’ jtaqqal tfajla waqt li qed jiskonta piena ta’ 20 sena ħabs – u agħar – li ngħata l-opportunita’ li jkollu relazzjoni ma’ żagħżugħa meta t-track record tiegħu juri l-perikolożita’ tiegħu bħala manipulatur, u instigatur għas-suwiċidju.
Iżda minkejja din it-talba għal tweġibiet, il-Professur Andrew Azzopardi, li mexxa’ kampanja qalila favur l-akkwist ta’ privileġġi minn Erin Tanti, baqa’ mutu, anżi kompla biż-żjarat u t-telefonati tiegħu lejn Tanti fil-Ħabs.
Mhux qed nikkritika l-jedd ta’ Azzopardi li juri kompassjoni lejn Tanti, iżda dan li qed nikteb hu ntiż li nfiehem kif il-kampanja tiegħu wasslet għall-abbuż bil-konsegwenża, li Tanti rnexxielu japprofitta ruħu minn dak li akkwista bis-saħħa ta’ Azzopardi, u jtaqqal tfajla waqt il-perjodu ta’ sentenża effettiva ta’ ħabs.
Erin Tanti
Il-profs Azzopardi għandu ħafna x’jirrispondi, iżda mhux qed jgħid xejn dwar il-qrubija tiegħu ma’ Erin Tanti u priġunieri perikolużi oħrajn.
L-istess Profs jitqies bħala persunaġġ importanti wara l-kwinti tar-rapport tal-Ombudsman Joseph Zammit McKeon dwar it-tmexxija tal-Ħabs ta’ Kordin mill-Kurunell Alex Dalli, li matul it-tfassil tar-rapport hu magħruf li ggwida u ta l-pariri lil dawk intervistati kif iwieġbu, u x’għandhom jgħidu.
Il-provi ta’dan jinsabu fit-telefonati u fil-konversazzjonijiet li saru bejn Azzopardi, Tanti u numru ta’ ħabsin oħrajn, li użaw lil Azzopardi bħala l-istrument ta’ vendetta lejn it-tmexxija tal-Ħabs li kienet qed twettaq xogħolha u żżomm il-periklu u l-abbuż il-bogħod kemm jista’ jkun.
Iżda minkejja l-prekawżjonijiet kollha, il-miżuri kollha ta’ dixxiplina u l-esperjenża tat-tmexxija tal-Ħabs, nies bħal Erin Tanti u priġunieri oħra kisbu li riedu. Ir-riżenja ta’ dalli minn Direttur tal-Ħabs u attakk sfrenat tal-Partit Nazzjonalista kontra l-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Byron Camilleri.
Il-Profs Azzopardi għandu ħafna xi jwieġeb għal kif mexxa l-kampanja tiegħu kontra t-tmexxija tal-ħabs, favur l-akkwist tal-privileġġi perikolużi ta’ ċerti priġunieri, u kif dawn spiċċaw ħadu vantaġġ minn dak li akkwistalhom, u li għal dan l-abbuż, reġgħet kellha tkun is-soċjeta’ li qed tħallas il-preżż u mhux il-priġunier.
Wara dik il-vuċi anġelika, il-Professur Andrew Azzopardi, reġa’ qatel lil Lisa Marie Zahra, bint, neputija, kuġina li nqatlet fl-eta’ ta’ 15-il sena.