Ħa nkun sinċier magħkom. L-intervista ta’ Evarist Bartolo fuq Lovin Malta, dejqitni. Weġgħetni.
Kienet intervista inutli, bla sens, u onestament nistqarr li ma serviet għalxejn għajr li b’xi mod tisqi l-ego bla qies ta’ eks Ministru li spiċċa skreditat mill-elettorat, għall-fatt li ma kienx kapaċi jagħraf l-onesta, il-ġenwinita’ u l-qlubija tal-Laburisti, u fuq kollox l-imħabba u l-fiduċja tagħhom f’kull Mexxej li kellhom.
Mal-mument li pubblikajt ħsibijieti fuq dak li qajjem Varist fl-intervista, ġejt mifluġ b’mijiet ta’ messaġġi u telefonati mingħand nies li saħansitra qatt ma ltqajt magħhom.
Kienu messaġġi ta’ Laburisti mweġġa mill-attitudni traskurata ta’ Varist, li bl-istil tas-soltu tiegħu, jkun – mhux nostaliġiku ta’ żmienu – iżda narċisista fid-deskrizzjoni tal-avventimenti politiċi sensittivi li kkaratterizzaw dak il-lejl xiwi u misħut f’Diċembru tal-2019, meta f’Kastilja tlaqqa’ l-Kabinett b’urġenża biex jiddiskuti l-kriżi li żviluppat bl-arrest ta’ persunaġġi li allegatament kienu involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Għal Varist, f’dak il-lejl donnu hu biss eżista madwar dik il-mejda.
Insomma l-istorja nafuha, u kien diġa tkellem dwarha Varist. Irrappurtawha l-gazzetti u tkellmu dwarha fuq ir-radijiet.
F’dak il-lejl, Varist ħares biss lejn l-interessi tiegħu: Dak li joħroġ ifuh biss hu.
Ħaseb li kulħadd kien se jinżel f’dak il-lejl, u pprefera li jniżżel lil Joseph Muscat minflok.
Iżda min qed jaqra, mhux interessat f’dan ir-rakkont li diġa’ jaf. Pjuttost irid ikun jaf ir-raġuni għaliex Varist għażel li jerġa’ jirkeb fuq il-karru ta’ dawk li jobgħodu lil-Labour u lill-Laburisti.
Għaliex Varist?
Lanżit? Għaliex Joseph Muscat kien dak il-‘biċċa tifel ġinġer minn Burmarrad’ li daħal jaħdem taħt is-superviżjoni tiegħu fil-Marsa, li spiċċa kiber fil-ġġant politiku li jismu Joseph Muscat u hu ma sarx bħalu u qablu?
Fi kwasi kull artiklu li ktibt, dejjem sostnejnt li dak kollu li jiġri f’pajjiżna qatt ma jsir b’kumbinazzjoni.
Varist għażel dan il-mument b’intelliġenża.
Għaraf ir-realta’ imminenti tal-kollass tal-akkużi fażulli fil-Qorti kontra Joseph Muscat, u għal darb’ oħra ried jiddevja b’ħarsa lura lejn l-istorja, bl-iskop li l-opinjoni pubblika tibni alibi oħra għal dubju fuq Muscat, minkejja kull prova kuntrarja.
Varist ma’ Lovin Malta, reġa fittex l-ispotlight fuqu, fejn il-media tirrapporta dwaru. Insomma ried ir-rilevanża. Issa ġġudikaw inthom. Jien sempliċement qed nipprova nsib sens għal għemilu.
U l-fatt hu dan: Varist għażel li jerġa jirrakkonta dik l-istorja – magħduda ma’ tal-Panama Papers – kemm kien ħabib ta’ Daphne Caruana Galizia, u bejn daħqa u tbissima tipika tiegħu, Varist beżaq is-sunnara: fi kliem sempliċi, Varist ried jgħid ‘mhux jien niżżiltu lil Joseph!’.
Insomma, jirraġuna kif irid, iżda l-istorja fi ħdan il-Partit Laburista hi rakkontata b’mod ferm differenti minn Varist.
Dik l-istorja glorjuża li lil Varist tpoġġih f’kamra mudlama u b’ħitan suwed u li jwaħħlu bl-għanqbut, u f’kull rokna tal-istess kamra hemm toqob minn fejn joħorġu għadd ta’ sriep.
Iva sriep, għaliex fil-Partit Laburista, Varist hu magħruf bħala s-‘serp’ li matul l-għexieren ta’ snin li serva f’diversi karigi – jirrakkontaw ix-xjuħ – kien wara l-manuvrar u tfixkil fil-ħidma tal-Prim Ministri u Mexxejja tal-Partit Laburista, bħal Dom Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici, Alfred Sant, Joseph Muscat u sa ftit snin ilu, saħansitra lill-Prim Ministru u Mexxej attwali Robert Abela.
B’ċajta xi ħadd qalli, Pawlu Boffa biss ħelisha mill-manuvrar ta’ Varist, għaliex propju ma laħqux ħaj.
Ċajta jew mhix, il-fatt jibqa’ li Varist qatt ma fehem lill-Labour u lill-Laburisti.
L-ispirtu Laburista hu mgħaġun mal-kelma ‘għaqda’ u Varist qatt ma kien team player – anżi kien pjuttost diviżiv. Il-Laburisti dejjem ipproteġew lill-Mexxejja tagħhom, ħabbewhom u jibqgħu jistmgħuhom. Varist? Le.
Il-protagoniżmu tiegħu jispikka meta fl-intervista semma’ kemm kien urtat b’tal-Panama Papers, kemm ma qabilx ma sħabu fil-Kabinett eċċ. Ma semmiex ħaġa biss li m’għamilx, u li kien tassew iwasslu jagħmel pjaċir lilu nnifsu ħafna snin qabel.
Għaliex Varist nesa r-regola stabbilita tal-kolleġjalita’ tal-kabinett. Fejn ma qabilx ma sħabu, kulma kellu jagħmel, kien li jqum minn mal-mejda tal-Kabinett, joħroġ il-barra, jagħlaq il-bieb warajh u jirriżenja!
Iżda Varist għal darb’oħra ried ikompli…
Anżi ried li jinħatar President tar-Repubblika flok George Vella u mbgħad flok Miriam Spiteri Debono.
Varist qatt ma fehem ukoll li ħadd m’hu akbar mill-Partit Laburista!