M’inix xi wieħed li nħobb nindaħal fil-linji editorjali ta’ kollegi edituri ta’ ġurnali, iżda nemmen li hu dritt leġittimu tiegħi u tagħkom li nikkummentaw fuq nuqqasijiet edtorjali, fejn ikun qed isir disservizz lejn il-qarrejja.
L-għażla tal-istejjer fil-gazzetta hi tal-editur. Hi prerogattiva tiegħu x’għandu jidher u x’ma jidhirx fil-gazzetta.
Dak li qed jiġri f’The Times qed jinkwetani, u qed jinkwetani bil-kbir.
Għaddew issa kwasi tlett ġimgħat mindu sar magħruf li l-Pulizija mit-Taqsima għall-Kontra r-Reati Ekonomiċi qed tinvestiga l-operat tal-Partit nazzjonalista u separatament lill-Kap Nazjonalista Bernard Grech fuq it-tbażwir fil-ħlas tat-taxxa tiegħu.
Għaddew ukoll ġimgħat mindu bdejt nesponi lill-Partit Nazzjonalista bħala dik l-entita’ politika, li qed taspira tkun fil-Gvern, li seraq il-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni tal-ħaddiema tiegħu stress.
Għal The Times iżda dawn mhux stejjer li huma fl-interess pubbliku.
Għal The Times – kif naraha jien – hi l-infallibbilta’ tagħha li tirrapporta kull post frivolu u giddieb ta’ Jason Azzopardi fuq Facebook.
Għal The Times, donnu l-aħbar ssir ta’ interess pubbliku meta tkun kontra l-Gvern immexxi mill-Partit Laburista, jew fuq xi Laburist.
Naħseb li The Times taf x’inhi l-establishment, u għaliex isiru dawn l-affarijiet.
M’inix qed nattakka lit-Times, iżda nemmen li għandi dritt leġittimu li nqajjem il-mistoqsijiet għaliex din is-selettivita’ klinika tal-editur li jiċċensura aħbar bħall-investigazzjoni tal-Pulizija kontra l-PN u Bernard Grech.
Ifhem l-allegati reati li qed ikunu investigati mill-Pulizija m’humiex nejka ta’ qattusa. Hemm l-assoċjazzjoni kriminali, l-ħasil ta’ flus, il-misappropjazzjoni, evażjoni fiskali fost ħafna oħrajn.
Hemm ukoll il-gideb tal-Kap tal-Oppożizzjoni fuq min ħallas il-kont tat-taxxa tiegħu u r-reat serju ta’ korruzzjoni li twettaq biex tħallas dak il-kont.
Hemm l-abbuż sfaċċat tal-Liġi dwar il-Finażjament tal-Partiti mill-Partit Nazzjonalista, u issa qabżu erba’ snin ta’ nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-kontijiet mwiegħra tal-PN.
Li ninkwieta f’dan kollu, li l-aħbar qed tkun selettiva ħafna minn-naħa ta The Times.
Jien deskritt ripetutament bħala propagandist u imbroljun illum li nimmilita mal-Partit Laburista, iżda meta kont man-naħa l-oħra, u kont ħabib ħafna ma’ dawk li llum imexxu lit-Times, tant li konna nkunu fit-tiġijiet ta’ xulxin, noħorġu u nixorbu ma’ xulxin: Illum għax jien qlibt in-naħa, sirt għadu u fil-mira għall-attakk, jew meqjus bħala non-entita’.
Qed nirrepeti permezz ta’ kitbieti li ġbajt minn din it-tattika ta’ bullying medjatiku fil-konfront ta’ kollox li hu Laburist.
Qed nistedinkom kollha kemm inthom, biex naqbżu u nipproteġu lill kull wieħed minna.
Illum imiss lill-eks Deputat Laburista Jean Claude Micallef, li qed ikun attakkat inġustament fuq affarijiet private u li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-kariga li għandu.
Bħal Jean Claude, hemm lista twila ta’ nies inkluż jien, u għadha int.
F’ġieħ Alla, ejjew nirraġunaw, li dan l-attakk fuq dak kollu li hu Laburist mill-establishment issa qażżeż pajjiż.
The Times hi istituzzjoni f’pajjiżna. Tgawdi rispetto hemm barra. Ma nemminx li għandha titniżżel l-isfel ma’ erbat’ iqtates li mingħalihom ħadd ma jista’ għalihom!
Naf ukoll li b’dan il-post hemm min se jiddeċiedi li jdawwar il-kanuni fuqi. Paċenżja. Drajthom dawn it-tattiċi u manuvri. Tgħallimt nikkonvivi magħhom. Imma din hi l-Malta li ngħixu fiha.