Ma nistax nifhem ir-raġunar tal-attivisti ta’ Repubblika, li bħalissa donnhom qed jibdew jimbarkaw fuq kampanja biex iqabblu lill-Prim Ministru Malti Robert Abela u l-Partit Laburista mal-President Tork Recip Tayip Erdogan.
Fuq diversi posts li qed nara fuq il-mezzi soċjali, huma diversi l-attivisti ta’ Repubblika, bl-aktar voċifera tkun Karen Zerafa Boffa, qed tkun żviluppata din il-linja ta’ ħsieb.
Karen Zerafa Boffa użat l-arrest tas-Sindku ta’ Istanbul Ekrem Imamoglu fuq akkużi ta’ korruzzjoni u fianzjament ta’ terroriżmu, bħala l-pretest biex mingħaliha l-Maltin iżommu għajnejhom miftuħin fuq il-Gvern f’Malta.
Zerafa Boffa prattikament qed tistieden lin-nies jkunu ‘qalbiena’ daqs it-Torok li qed jipprotestaw kontra Erdogan u dak li fissret bħala ‘l-oppressjoni kontra l-Oppożizzjoni.#
Il-ħaġa stramba hi Zerafa Boffa qed tinsa tgħid li l-Gvern ta’ Robert Abela qatt ma arresta lil ħadd la mill-Oppożizzjoni u lanqas mis-soċjeta’ ċivili.
Anżi fir-realta’ dawn dejjem għamlu li riedu, u għamlu ħafna u kemm riedu, u vvumtaw b’kemm felħu u wettqu assasinji tal-karattri ta’ mijiet ta’ esponenti tal-Gvern.
Iżda l-aktar ħaġa stramba li qed tiġri f’Malta, hi li mhux il-Gvern qed iwettaq oppressjoni kontra l-oppożizzjoni, iżda hi l-Oppożizzjoni mgħejjuna minn Repubblika u ċerti NGO’s li qed iwettqu oppressjoni u persekuzzjoni kontra esponenti tal-Partit Laburista fil-Gvern.
Li kieku kien għalihom, dawn ta’ Repubblika tefgħu l-ħabs lil kulmin ma qabilx magħhom, inkluż lil Adrian Delia!
Fit-Turkija kien ikun akkużat fuq allegati ‘akkużi fażulli’ Ekrem Imamoglu li hu meqjus bħala r-rival ta’ Erdogan, mentri f’Malta, qed ikun akkużat b’akkużi fażulli Joseph Muscat!
L-akkużi ma ħoloqhomx Robert Abela!
Infakkar lil Karen Zerafa Boffa li l-akkużi nħolqu minn inkjesta xprunata mill-persekuzzjoni ta’ ċerti esponenti sħabha li l-unika aġenda li għandhom hi dik ta’ kollox kontra Joseph Muscat, Robert Abela u l-Labour.
Għandi għalfejn infakkar lil Karen Zerafa Boffa min hemm wara l-akkużi foloż kontra Joseph Muscat u għadd ta’persuni oħra?
Altru minn Robert Abela bħal Erdogan!