Taħt pressjoni enormi mill-Grupp Paralmentari u ta’ mijiet ta’partitarji, il-Kap Nazzjonalista hu rrappurtat li qed iħejji għas-sospensjoni ta’Karol Aquilina mill-Partit Nazzjonalista.
L-aħbarijiet li qed jaslulna mid-Dar Ċentrali tal-PN huma inkwetanti ħafna, fejn ir-rebus li nqala wara l-vot tal-bieraħ filgħaxija fl-Eżekuttiv, fetaħ beraħ qasma enormi li esponiet żewġ fazzjonijiet li daħlu fi gwerra miftuħa għall-kontroll tal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech – ilu x-xhur msikket u taħt il-kmand ta’ Karol Aquilina permezz tal-klikka estremista tiegħu u mmexxija minn Louis Galea – hu rrappurtat li diġà nforma lill-kollaboraturi tiegħu li hu lest biex jissospendi lill-Karol Aquilina mill-grupp parlamentari.
Grech mistenni juża l-imġieba pastaża ta’ Aquilina fil-konfront tal-iSpeaker Anġlu Farrugia, kif ukoll il-ħruġ ta’ stqarrija b’attakk goff fuq l-integrita tal-istess Speaker minn wara dahar kulħadd, inkluż hu stess, bħala l-bażi tas-sospensjoni ta’ Aquilina, bħala miżura ta’dixxiplina.
Din se tkun l-ewwel darba li Bernard Grech se jkun fil-fatt qed jieħu passi konkreti kontra min ikapparra l-funżjonijiet kollha tat-treġija tal-PN, u qed jgħaġġel il-proċess biex dan ikun mħabbar pubblikament ferm qabel id-diskussjoni tal-mozzjoni ta’ kundanna għall-aġir tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, kif mressqa mill-Grupp Parlamentari Laburista.
Grech jaf li jrid jaġixxi mingħajr dewmien biex jiddixxiplina lil Aquilina, hekk kif se jibqa misteru kif se jivvutaw id-Deputati Nazzjonalisti nhar it-Tnejn li ġej fuq il-Mozzjoni, li ħafna minnhom esprimew qbil li għandha ssir biex “forsi fl-aħħar il-Kap jagħmel li għandu jagħmel u jsikket lil Aquilina”.
Hemm id-dlemma ta’ Ivan J. Bartolo, li xeba’ minn Aquilina, hemm Alex Borg li ħabbar li ċempel lill-iSpeaker l-għada tax-xenata ta’ Aquilina, biex jesprimi s-solidarjeta’ tiegħu u d-diżappunt għall-aġir ta’ Aquilina, u hemm ukoll David Agius, id-Deputy Speaker, li fin-nofs għandu l-kariga li hi f’kunflitt mal-aġir tal-istess Aquilina.
Maqbud fin-nofs ta’ dan kollu, Bernard Grech jinsab taħt pressjoni enormi minn mijiet ta’ partitarji li b’mod kostanti qed jinsistu biex il-PN ma jitniżżilx fl-abbiss minn Aquilina, filwaqt li Grech jaf li l-estremisti diġà qed jimmobiltaw biex itajjruh u jdaġġlu lil Simon Busuttil minfloku.