Ryan Borg ilu li tkeċċa mill-kariga ta’ ‘Chief of Staff’ tal-Ministru Clifton Grima sa mill-2021.
Minn dakinhar ‘l hawn beda kampanja ħarxa kontra għadd ta’ nies li emmen li kienu wara t-tneħħija tiegħu, minkejja li jaf li tneħħa mill-Ministru Clifton Grima għaliex l-istaff ma felħux aktar il-bullying tiegħu.
Biex qabbeż iċ-ċinga tal-Ministru Clifton Grima, żgur li l-każ għat-tneħħija tiegħu kien serju u meħtieġ.
Borg emmen li wara li tkeċċa mis-Segretarjat tal-Ministru Grima, seta’ jimmanipula kif ried biex jilħaq Chief Operations Officer fi ħdan l-Awtorita’ għall-Integrita’ fl-Isport Malti.
Fir-recordings ta’ voice messages li Borg bagħat lil terzi – u mhux diskors fil-kurituri taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kif irrapporta Net News – jinstema’ ċar il-lanżit ta’ Ryan Borg kontra diversi nies.
Lanżit għaliex ħadd fil-Gvern jew sħabu fuq ix-xogħol ma ried jafdah bil-kariga ta’ COO, u b’hekk lagħab biex iħassar u għamel il-ħajja diffiċli għal kull min jaħdem fl-Awtorita’.
Bħala COO kien ikun f’pożizzjoni li jkisser aktar nies, tant li xi membri tal-istaff saħansitra kienu fil-limitu li jneħħu ħajjithom.
Ryan Borg – kif ktibt f’post preċedenti – hu karattru diffiċli, mimli bih innifsu u jemmen li hu indispensabbli.
Tant mingħalih li jista’ għal kollox, li saħansitra jażżarda jilgħabha tal-hero billi jżeffen lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista dix-xenati tiegħu. Bniedem bħal dak, ma tistax jitħalla jkun fdat b’lanqas lapes f’idu, aħseb w ara b’kariga. Jagħmel sew il-Ministru Grima li jżommu ħafna l-bogħod minn pulżier ta’ poter.
Ryan Borg iżda, ma jgħidx għaliex ħadd ma ried itih il-kariga ta’ COO fl-Awtorita, u għaliex ħadd ma jafdah.
Ikun għaqli li Ryan Borg jirreżenja minn kull kariga li ħataf f’dawn l-aħħar snin.