Il-Ministru Clifton Grima għamel sew li lil Ryan Borg kien urieħ il-bieb ta’ barra, u ordnalu ma jerġax jirfes l-għatba tas-segretarjat tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Borg mhux biss ma jistax ikun fdat, iżda Borg lanqas jista’ jafda lilu nnifsu. Lsienu u l-attitudni tiegħu hi l-problema, u ma tgħallem qatt ikun prudenti, u ma tgħallem qatt li jeħtieġ jinżel mill-pedestall li mingħalih jinsab fuqu.
Ryan Borg – li llejla nstema’ f’recordings mxandra fuq Net News, jippontifika fuq x’għandu jagħmel u ma jagħmilx il-Ministru Grima, ta’ raġun – bi kliemu stess – lill-istess Ministru li keċċih mill-kariga ta’ Chief of Staff.
Ryan m’għandux rażan f’ilsienu. Ma jafx iħaddem moħħu. Hu bniedem li l-ego tiegħu ma jippermetti lil ħadd jaħdem miegħu.
Ryan Borg jaħseb li jaf kollox, li kollox idur madwaru.
Wara t-tkeċċija tiegħu minn Kap tas-Segretarjat tal-Minsiteru, Ryan Borg ippretenda bi dritt li jkun hu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita għall-Integrita fl-Isport, filwaqt li għamel il-ħajja diffiċli għal żewġ Kapijiet Eżekuttivi preċedenti, Luciano Busuttil u lil Jean Claude Micallef.
Ryan Borg għamel l-iżball li jattakka Ministru Laburista, u lil sħabu Laburisti.
Postu issa mhux fil-Partit Laburista.
Tmissu u tattakkaw wieħed minna, u ningħaqdu kontrik. Int min int!
Ryan, dan l-iżball għamiltu, emmint li taf tkun bully, spiċċajt intużajt mill-avversarju politiku tagħna.
Ippruvajt timmina l-integrita’ ta’ Ministru tal-Gvern Laburista, u ta’ sħabek Laburisti.
Nemmen li m’hemmx post għalik fil-Partit Laburista. Ma tridx taħdem fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-partit.
Nittama li l-Amministrazzjoni tal-Partit tgħaddi biex tipproponi t-tkeċċija tiegħek minn bħala Kunsillier tal-Partit Laburista f’Tas-Sliema u minn Membru tal-Partit.
Ħsibt għal rasek biss, meta dan il-Partit hu wieħed ħaj, dinamiku u fuq kollox magħqud.
Mil-lejla, Ryan Borg, int tlift familja. Tlift kollox!