RITRATT: Norman Bezzina, Konsulent fis-Segretarjat Privat ta’ Louis Galea bħala Ministru, u li spiċċa jiskonta 18-il sena ħabs fuq importazzjoni ta’ droga
Minn wara l-iskrivanija tiegħu fil-Fawwara, minn fejn bl-aktar mod kliniku għaddej bil-manuvrar għall-kontroll tal-PN u ta’ Repubblika, l-eks Ministru Nazzjonalista Louis Galea żgur mhux forsi qed jipprova jevita kemm jista’ jkun, li jnessi għal kollox lill-opinjoni pubblika – l-aktar lill-partitarji – bil-‘perli’ sbieħ li rregala lill-PN tul il-karriera politika tiegħu.
Louis Galea – li llum hu magħruf li hu l-moħħ wara l-aġir ta’ Karol Aquilina u ta’ ħuħ Robert Aquilina pernezz ta’ Repubblika – għandu storja ta’ ‘perli’ rregalati lill-PN, u li jirreflettu fuq it-tip ta’ politiku li kien: Dejjem imdawwar minn kriminali, u li ħadem bihom biex kien elett minn żewġ distretti bejn l-1981 u l-2008.
Fost l-aktar ‘perli’ li jibqa’ magħruf għaliha Louis Galea, jismu Norman Bezzina, magħruf bħala ‘Ta’ Ċekċek‘ minn Ħaż-Żebbuġ.
Bezzina li llum jgħodd mas-74 sena, kien immigrant f’Toronto fil-Kanada, u rritorna Malta f’nofs is-snin 90 u serva bħala konsulent speċjali fis-segretarjat ta’ Louis Galea meta kien Ministru għall-Politika Soċjali.
Lil Norman Bezzina niftakar niltaqa’ miegħu xi darbtejn fl-ajruport ta’ Frankfurt bejn titjira u oħra.
F’dawk id-darbtejn li kont iltqajt miegħu fi Frankfurt, kien qalli li kien qed jirritorna Malta minn Toronto.
Kien is-sena 2001, meta isem Norman Bezzina kien iddomina l-aħbarijiet.
Il-Pulizija Maltija arrestatu u xlietu bħala l-moħħ wara l-importazzjoni bil-posta – u mill-Kanada – ta’ aktar minn żewġ kilos kokaina. Kien imposta d-droga lilu nnifsu darbtejn!
Bezzina kien fil-fatt weħel u serva 18-il sena ħabs u mmultat €40,000, u separatament kienu tressqu l-Qorti wkoll numru ta’ nies oħra bħala l-kompliċi tiegħu, fosthom ċertu Manwel Gauci li kien jaħdem fil-clearance room tal-posta.
Bezzina – lil dan Gauci – kien sar jafu bħala ‘part-time‘ security officer fir-reception – b’kumbinazzjoni – tad-Dar Ċentrali tal-PN, fejn kien jidħol mingħalih li kien xi Alla meta ta’ spiss kien jakkumpanja lil Louis Galea għal laqgħat.
Iżda hawnhekk nirritorna fuq artiklu preċedenti tiegħi f’dan is-sit fejn tkellimt dwar Louis Galea u l-familjarita’ tiegħu ma’ Alfred Bugeja, magħruf bħala il-‘Porporina‘ li miet din il-ġimgħa fl-eta ta’ 69 sena.
Louis Galea – bħala Ministru għall-Intern u b’hekk responsabbli dak iż-żmien tal-Ħabs ta’ Kordin – kien ippermetta lil Bugeja jiżżewweġ fil-Ħabs.
Galea serva bħala xhud f’dak it-tieġ, kien iċċelebrat, iffilmjat u mxandar fuq TVM minn Peppi Azzopardi waqt il-programm Xarabank, bir-riċeviment isir fid-Division 5 tal-ħabs stess!
RITRATT: Louis Galea jippontifika fuq il-governanza tajba fuq NET TV
Pero l-agħar li seta’ jiġri lil Louis Galea ftit wara dak it-tieġ, kien li l-Porporina wettaq żewġ ħarbiet mill-ħabs u ftit wara li nqabad mit-tieni ħarba, kien inqabad bħala l-moħħ – minn ġol ħabs stess – wara l-importazzjoni ta’ kwantita ‘ ta’ droga kokaina, eroina u pilloli extacy mill-Olanda.
Flimkien mal-Porporina kien hemm implikati wkoll wkoll numru ta’ priġunieri oħra, li kkonfoffaw biex tiddaħħal id-droga f’Malta. Dan apparti nies oħra li kienu arrestati bħala l-kompliċi fuq barra biex tkun imporatta d-droga.
RITRATT: Alfred Bugeja (il-Porporina) li miet din il-ġimgħa fl-eta’ ta’ 69 sena
Dawn huma biss żewġ ‘perli’ li Louis Galea rregala lill-PN tul iż-żmien li pprova jipproġetta lilu nnifsu bħala s-superstar tal-PN.
Dawn l-episodji Louis Galea ma jitkellem qatt dwarhom, u lanqas niżżilhom fis-CV li hu kien bagħat lill-Parlament Ewropew meta kien xeba’ bħala Speaker taħt Gonzi u għamel minn kollox biex tela’ Brussels biex iservi bħala Awditur tal-Qorti Ewropea!
Għadni ma ktibt xejn dwar x’sab l-Awditur Ġenerali meta investiga racket sħiħ ta’ abbużi mwettqa fl-iskema tal-magħrufa tal-Awżiljarji, fejn instab kif makkinarju u inġenji kienu jinkrew fuq li nkrew f’dawra durella sħiħa bejn bosta nies, fil-maġġoranża tagħhom canvassers ta’ Louis Galea.
Omissjoni konvenjenti oħra mis-CV ta’ Louis Galea lill-Parlament Ewropew kienu l-għadd ta’ irregolaritajiet finanżjarji investigati minn Maġistrat Inkwirenti dwar l-għoti tal-kuntratti mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.
Illum Louis Galea jiddandan bil-filjożżi tiegħu Karol u Robert Aquilina, li t-tnejn jippontifikaw fuq il-governanza t-tajba, iżda jkun ħafna għaqli li l-partitarji nazzjonalisti jibdew jindunaw u jiġu f’sensihom dwar min tassew hu, u li issa saret biss kwistjoni ta’ żmien qabel ma l-istess partitarji se jduru għalih, u għal Karol u Robert Aquilina.
wasal iż-żmien li l-partitarji nazzjonalisti jibdew jagħrfu li l-għadu veru tagħhom – jew għallinqas l-avversarju reali tagħhom – qatt ma kien il-Partit Laburista, iżda nies bħal Louis Galea u l-aħwa Karol u Robert Aquilina!