Għal darb’ oħra, ordni ċara tal-Qorti nkissret bl-aktar mod sfaċċat bil-pubblikazzjoni llum f’The Sunday Times, tal-konklużjonijiet tal-msejħa ‘esperti’ fl-inkjesta dwar l-Electrogas u l-investiment ta’ wind farm fil-Montyenegro.
Dawn il-konklużjonijiet kienu ssiġilati għand il-Maġistrat Rachel Montebello u ppubblikati minn Jacob Borg f’The Sunday Times, u minkejja li bħalissa għaddejjin proċeduri kontra diversi persuni, xorta kienu pubblikati għad-dannu tal-presunżjoni tal-inniċenża tal-persuni msemmija.
Iżda l-akbar kumbinazzjoni f’dan kollu, hu li f’din l-inkjesta l-esperti mqabbda huma kollha l-istess li f’dawn l-aħħar xhur u ġimgħat skandaliżżaw pajjiż sħiħ.
L-esperti huma ta’ Jeremy Harbinson, li la jridu jixħdu, la jieġdu responsabbilta’ tal-konklużjonijiet tagħhom, xejn!
Ħadu biss miljuni ta’ Ewro mingħand il-poplu Malti, u immedjatament wara kollha bdew ixolju l-kumpanniji tagħhom.