X’ġara fid-Dar Ċentrali l-bieraħ f’dik is-siegħa bejn is-13:35 u s-14:39 meta miċ-ċanfira ta’ Moviment Graffiti fuq Manoel Island, għaddejna għall-iniżjattiva mhux mistennija ta’ Jon Mallia li jsejjaħ lill-Prim Ministru Robert Abela għal dibattitu ma’ Bernard Grech propju dwar suċċett li dwaru, l-Kap Nazzjonalista ħareġ ta’ mażetta.
Dan għaliex kif One News kellu raġun jirrapporta dwar ‘tensjonijiet’ fid-Dar Ċentrali, meta Grech sab ruħu iżolat u bla appoġġ intern wara li għaffeġ kollox quddiem il-ġurnalisti dwar Manoel Island, imbgħad ma’ The Times, filli qal li l-petizzjoni biex Manoel island isir Park Nazzjonali bħala ‘ħolma sabiħa’ u meta mistoqsi x’jagħmel meta l-petizzjoni titressaq quddiem il-Parlament, qal: ‘ma nafx għadna rridu naqraw il-petizzjoni!’
Qalb il-konfużjoni u r-rabja li nafu li nqala fid-Dar Ċentrali dwar din id-dikjarazzjoni stupida ta’ Grech, l-istaff tiegħu għaddew għal miżura ta’ paniku.
Ir-reazzjoni tal-pubbliku favur il-Moviment Graffiti li umilja il Grech bi stqarrija pubblikata fuq Lovin Malta u qaltlu biex ‘jagħmel ir-riċerka sew’, wassal għall-paniku fost l-istaff tad-Dar Ċentrali, sakemm Nathaniel Attard issuġġerixxa li jsir kuntatt ma’ Jon Mallia biex jiddevja kollox u jħabbar sfida lill-Prim Ministru għal dibattitu ma’ Bernard Grech dwar Manoel Island.
Il-proposta għal dibattitu kienet ‘non sequitur’ u ma għamlet l-ebda sens, meta tqis li l-kuntratt għall-iżvilupp ta’ manoel Island hi konċessjoni kontroversjali mogħti minn Gvern Nazzjonalista fis-sena 2000, fih ħafna kwistjonijiet skandalużi u sal-lum għadu l-bogħod milli jitlesta.
Sal-lum ukoll, ħadd għadu ma sejjaħ għal Inkjesta pubblika fuq l-iskandli kollha li huma marbutin man-nuqqas tal-konsorżju Midi milli jonora l-obbligi stipulati fl-għoti tal-art l-iżvilupp taż-żona, u mas-snin il-PN dejjem ipprova jevita kull diskussjoni fuq il-proġett.
Għalhekk bosta kienu dawk li rawha ‘stramba’ kif Grech hu lest gal dibattitu, meta żgur ma jafx għal xiex dieħel, u jaf li se jiftaħ kaxxa tal-Pandora fejn kapaċi jkun iffaċċjat bid-dnibiet ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti li bażwru fil-kuntratt.
Hemm ukoll il-mistoiqsija dwar ir-rabtiet ta’ diversi nies involuti fil-Midi mal-Partit Nazzjonalista, fosthom benefatturi kbar, li mistennija jkunu urtati b’dak li kapaċi jgġid Bernard Grech, li s’issa wera li ma jaf assolutament xejn dwar il-proġett, il-konċessjoni u d-dewmien fit-tlestija tal-proġett.