Ma niġbax ngħid, li ċerti prosekuturi ma jitgħallmux, anzi jkomplu jgħaffġu u jmexxu l-każi bis-suppożizzjonijiet u l-l-konġetturi.
Illum jien u naqra x-xhieda fil-każ kontra Keith Schembri dwar l-allegati leaks fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, innutajt kif għadna ma tgħallimna xejn mill-esperjenza assurda fil-ħadma, u fit-tgħaffiġ tas-suppost ‘espert’ tal-Qorti Jeremy Harbinson, fl-inkjesta dwar l-isptarijiet.
Nirrepeti, għal ċerti nies, l-importanti li nagħmlu show ta’ ġustizzja manipulata, billi naqbdu u npoġġuhom fuq il-bankijiet tal-akkużati, għaliex huma Laburisti.
Fil-każ ta’ dalgħodu, segwejt b’attenżjoni ċerti dettalji li l-prosekuzzjoni qed tipprova torbot il-każ tagħha.
Fost dawn hemm sensiela ta’ konġetturi spettakolari li jibqgħu mhux ippruvati, bħal per eżempju rekording ta’ allegata telefonata li saret minn linja fissa li ssejjaħ lill-akkużat Keith Schembri lit-telefon ċellulari ta’ Yorgen Fenech.
Fuq liema deduzzjoni ta’ fatt il-prosekuzzjoni tista’ qatt tipprova li dik is-sejħa saret minn Schembri?
Fittxew jekk Schembri qatt kien fl-indiriżż tal-linja fissa f’dak il-ħin? Le! Qabdu u assumew!
Silta oħra interessanti u li wasslitni biex nistaqsi lili nnifsi għadd ta’ mistoqsijiet, kienet meta l-prosekutur tkellem fuq konversazzjoni rrekordjata bejn Yorgen Fenech u l-maħfur Melvin Theuma.
Issa r-rekording sar minn Melvin Theuma, u tirrakkonta hekk: “Sieħbi ma jafx min hemm wara tan-nofs, imma jaf min hemm tan-nofs” .
OK, għiduli x’fhimtu biha?
Hawnhekk qed ikun allegat li Keith Schembri informa lil Fenech li Vince Muscat ‘il-Koħħu’ kien qed ‘ikanta’ mal-Pulizija.
Theuma, imbgħad għadda biex qal lill-Pulizija – waqt l-interrogazzjoni – li mar għand l-aħwa Degiorgio biex jgħidilhom li l-Koħħu kien qed iparla.
Issa f#ġieħ is-sewwa, nistaqsi dwar jekk dan hu biżżejjed biex wieħed ‘jassumi’ li l-akkużat għadda l-informazzjoni?
Insibha diffiċli biex titwemmen, jew għallinqas tagħmel biex tagħmel sens.
Sa fejn naf jien – fil-Qorti – hemm il-prinċipju tal-inammissibilta’ tal-‘hearsay’ jew il-famuża ‘detto del detto’ – jiġifieri, jien smajt li dak qal, eċċetera…