Hekk kif kien imwiegħed mill-Gvern, art ta’ madwar 126,000 metru kwadru – jew aħjar daqs 18-il grawnd tal-football, li kienet oriġinarjament indikata għall-iżvilupp industrijali f’Bulebel, se tibqa’ art agrikola.
Dan juri l-impenn tal-Gvern li, kif iddikjarat anke fil-Viżjoni Malta 2050, qed jinstab bilanċ bejn l-interessi kummerċjali u l-wirt naturali ta’ pajjiżna.
RITRATT: Il-meddqa kbira ta’ art li l-Gvern se jħalli għall-użu agrikolu flok ma jintuża għall-iżvilupp industrijali
Dan permezz ta’ ftehim fil-preżenza tal-Ministru responsabbli mill-Artijiet, Stefan Zrinzo Azzopardi, u dak għall-Ekonomija, Silvio Schembri, biex din l-art għaddiet mill-INDIS lura għand l-Awtorità tal-Artijiet.
Din l-art t’aktar minn 112-il tomna se tibqa’ disponibbli għall-bdiewa biex ikomplu jipproduċu prodotti lokali. Minbarra l-valur agrikolu, din iż-żona għandha wkoll valur kulturali minħabba l-possibilità ta’ fdalijiet arkeoloġiċi, li jista’ jkun hemm.