Jien mhux xi wieħed li nħobb nsemmi jew nitkellem dwar il-familja tal-mibkija Daphne Caruana Galizia, iżda żgur mhux se naċċetta l-ebda tgħajjir mingħand ħadd fil-konfront ta’ ħuti Maltin u Għawdxin.
Jekk tħarbat sett ta’ ritratti ta’ Daphne li kienu mal-Monument tal-Assedju l-Kbir, is-Sinjura Mandy Mallia ma kellha qatt titlef kull sens ta’ proporżjon u taqbad u tgħajjar lill-poplu Malti ‘injorant’.
Nifhem u nempatizza ma’ qarib ta’ persuna li tara ritratt jew ritratti tal-persuna għal qalbha tispiċċa minsusa, iżda ejjew nirraġunaw.
Ir-ritratti, fjuri u x-xemgħat qegħdin ma’ Monument Nazzjonali, jiġifieri f’post pubbliku, u fil-qalba tal-Belt kapitali Valletta, fejn bħalissa eluf ta’ tfal qed jilgħabu u jiċċelebraw il-Karnival.
Sa dalgħodu stress, rajt it-tfal lebsin il-kostumi kkuluriti tagħhom jilgħabu mal-Monument, telgħin u neżlin mal-pedestall u jistaħbew wara l-qsari li hemm madwarha.
Ha nitkellmu ċar: Il-Monument mhux iċ-ċimiterju!.
Li kieku tħarbtu r-ritratti fiċ-ċimiterju, fejn hu l-post ta’ rispett assolut għall-mejtin għeżież tagħhna, kont inkun l-ewwel wieħed li noħroġ nagħti lis-Sinjura Mallia r-raġun kollu.
Iżda li toħroġ tgħajjar lill-Laburisti u terġa żżid il-lanżit kontra l-Maltin u l-Għawdxin u tgħajjarhom injoranti, għaliex tħarbtu r-ritratti f’post fejn m’għandhomx ikunu, hu spropożjonat għall-aħħar u fil-veru sens tal-kelma, kattiv. M’hemmx kelm’ oħra.
Jekk is-Sinjura Mallia qed titkaża b’dan, allura x’qed tippretendi li l-Pulizija għandha ddawwar dan il-Monument Nazzjonali bil-ħadid, u tpoġġi l-għassa magħha?
X’tippretendi s-Sinjura Mallia li fi Triq ir-Repubblika ma jsiru l-ebda ċelebrazzjonijiet tal-Karnival, li ma jkunu ċċelebrati l-ebda festi ta’ San Pawl, Sant’ Wistin, tal-Madonna tal-Karmnu u ta’ San Duminku?
Tippretendi li Triq ir-Repubblika għandu jkun esklussivament għall-protesti ta’ Repubblika u tal-Partit Nazzjonalista?
Ejjew inżommu s-sens ta’ propożjon u tas-sens komun Sinjuar Mallia.