Fi stqarrija rari maħruġa mill-Uffiċċju tal-iSpeaker, kien spjegat bl-aktar mod ċar li r-rulings, u d-dikjarazzjonijiet tas-Sedja, partikolarment fejn jidħlu sejħiet għad-dixxiplina tal-Membri, ‘huma essenżjali għaż-żamma tal-ordni kontra kull min jisfida’ l-awtotrita.’
Fl-istqarrija – li nħarġet biex twieġeb stqarrija oħra maħruġa aktar kmieni fil-ġurnata mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, wara xenata oħra minn Karol Aquilina – kien spjegat li s-Sedja ma tista qatt tittollera l-ebda tentattiv biex jitħarbtu s-seduti Parlamentari.
L-ebda Ruling jew ordni mis-Sedja qatt ngħatat fi spirtu partiġġjan, iżda huma deċizjonijiet li joħorġu mir-regoli ċari ddettati mill-iStanding Orders tal-Kamra.
L-Uffiċċju tal-Ispeaker sostna wkoll id-determinazjoni li l-President tal-Kamra jkompli jaqdi d-dmirijiet tiegħu bħala l-‘arbitru’ newtrali fil-Kamra tar-Rappreżentanti għaż-żamma tal-prinċipji demokratiċi tal-Istat Malti.