Il-fazzjoni estremista fil-PN mmexxija minn Karol Aquilina tinsab irritata għall-fatt li Ivan J. Bartolo qed jirrifjuta li jirriżenja minn Deputat, minkejja li qed jagħmlulu ħajtu diffiċli.
Din l-isfida ta’ reżistenza minn-naħa ta’ Ivan J. Bartolo qed iħarbat il-pjan ta’ Aquilina u sħabu li jtellgħu lil Jason Azzopardi lura fil-Parlament mid-Disa’ Distrett.
Bartolo s’issa ddikjara li mhux se jerġa jikkontesta Elezzjoni Ġenerali oħra, madankollu qed jirreżisti b’saħħa l-pressjoni li qed issirlu biex jirriżenja minn issa u jċedi postu għal Azzopardi.
LL-ironija hi, li Bartolo qed jisfa’ vittma tal-istess fazzjoni li għen biex itajjar lil Adrian Delia minn Kap tal-Partit ħames snin ilu, u minfloku nħatar Bernard Grech.
Bartolo kien sussegwentement ċeda s-siġġu Parlamentari tiegħu biex Grech seta’ jservi fgil-Kamra, u kien ri-elett fl-Elezzjoni tal-2022.
Mal-mument iżda li miet Robert Arrigo, il-PN tella’ minfloku lil Karol Aquilina li minnufih nieda l-pjan għall-kontroll tal-PN, u llum qed imexxi bħala l-Kap de facto.
F’dawn l-aħħar xhur meta Aquilina għolla l-livell ta’ militantiżmu politiku, b’kordinazzjoni ma’ Repubblika li hi mmexxija minn ħuħ Robert, din il-fazzjoni estremisti, bdiet teżerċita pressjoni qawwija fuq Bartolo biex iwarrab hekk kif dan tal-aħħar beda jitlob lil Bernard Grech biex jissospendi jew ikeċċi lil Aquilina għaliex kien sar perikoluż, kemm fil-ħsieb kif ukoll fl-imġieba militanti tiegħu.
Għal dan, Aquilina nieda kampanja qawwija ta’ ostilita’ lejn Bartolo, tant li jridu jirriżenja biex ikompli l-mixja militanti tiegħu mingħajr tfixkil.