Kull informazzjoni li tista’ tkun ‘leaked’ mid-data estratta mit-telefon ċellulari tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, għandha titqies bħala disprezz lejn il-Qorti, li minn naħa tagħha teħtieġ tieħu provvedimenti skont il-Liġi biex id-digrieti tagħha jkunu mħarsa.
Dan sostnih l-Avukat Vincent Galea li qed jidher għal Muscat f’seduta li saret dalgħodu waqt it-tkomplija tas-smigħ tal-każ dwar l-Inkjesta tal-Isptarijiet.
L-Avukati difensuri tal-ko-akkużati kollha fil-kaz, lkoll rrinunżjaw li jingħataw kopjatad-data estratta mit-telefon ċellulari tal-eks Prim Ministru Malti, b’hekk din issa hi ristretta esklussivament għall-prosekuzzjoni u l-Avukati ta’ Muscat biss.
L-Avukat Galea spjega lill-Qorti li d-data estratta mit-telefon ċellulatri tal-eks Prim Ministru ngħatat biss lid-difiża ta’ Muscat u lill-prosekuzzjoni, u għaldaqstant, kull ‘leak’ potenzjali li jista’ jkun hemm mill-media – kif diġà ġara f’diversi ċirkostanzi – teħtieġ titqies mill-Qorti bħala disprezz b’sanżjoni mill-Qorti.
‘Ħafna mill-messaġġi huma kunfidenzjali, bejn l-ulied, l-omm u mart Joseph Muscat’, sostna l-Avukat Galea, li żied ukoll fuq kif ir-realta’ tal-fatt li Muscat hu eks Prim Ministru, jpoġġi fuq il-Qorti responsabbilta’ kbira li tiżgura li ma jkunx hemm interpretazzjonijiet mbażwra u ta’ preġudizzju kontra l-istess Muscat.
L-Avukat Galea nsista li l-Qorti teħtieġ tkun ċara li leak ta’ tali informazzjoni lejn terzi persuni, inkluż il-media għandha tkun indirizzata b’saħħa mill-Qorti, u spjega kif jekk din id-data ngħatat biss lill-prosekuzzjoni u lid-difiża ta’ Muscat, jkun ċar minn fejn seta’ ħarġet l-informazzjoni, jekk kemm-il darba tispiċċa f’idejn terzi.