Fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kemm saru prevedibbli!
Ritratt u post tad-Deputat Għawdxi Alex Borg ma’ Bernard Gtech quddiem kulħadd f’Misraħ Reġina Vittorja, għand Cordina, juri kif l-alleanżi fil-PN bdew jinbiddlu minn nhar is-Sibt li għadda, hekk kif Robert Aquilina ta’ Republika ssejjaħ fis-CID, bil-konsegwenża li ħuħ Karol Aquilina issa spiċċa jkun il-‘ħsara kollaterali’ billi f’kolp wieħed ra l-influwenża tiegħu fil-PN tiddisintegra.
L-alleanżi fil-PN bdew jidhru li qed jinbiddlu sa minn l-għada l-Ħadd meta l-media bdiet tiżvela d-dettalji xokkanti tal-każ kriminali kontra Robert Aquilina, u b’hekk waqt il-maratona ġbir ta’ fondi fid-Dar Ċentrali bdew jintlemħu l-ewwel mossi ta’ shift fl-alleanżi.
Madwar Karol Aquilina bdiet tikkrolla l-alleanża falża ta’ nies li segwewħ biss minħabba l-prepotenża u l-arroganża tiegħu, u issa dawn l-MPs qedin bil-mod il-mod jiżolqu l-barra minn taħt il-kontroll tiegħu.
Xhieda ta’ dan hu kumment li nstema’ jgħid l-istess Alex Borg waqt il-ftit ħin li qatta’ fid-Dar Ċentrali tard nhar il-Ħadd filgħaxija waqt il-maratona ġbir ta’ fondi.
‘Qed jinbiddlu l-alleanżi’ nstema’ jgħid Alex Borg, filwaqt li nftiehem mill-ewwel minn min semgħu jgħidha.
Ftit tal-ħin qabel, kien għadu kif deher fuq Net TV, l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li mar id-Dar Ċentrali b’turija ta’ saħħa kemm bin-nies li kienu qed jakkumpanjawh, kif ukoll bis-somma ta’ €93,000 li ppreżenta.
Issa bil-mossa tal-lum, fejn Alex Borg tefa’ ritratt tiegħu fil-kumpannija ta’ Bernard Grech b’messaġġ pjuttost stramb u jikkuntrasta mal-pożizzjoni li kien ħa l-istess Grech ftit tal-ġimgħat ilu waqt laqgħa tal-Grupp Paralmentari, l-għada li attakkaħ fl-Independent Kevin Cassar.
Grech kien qallu, ‘int meta attakkani l-kunjatu ta’ delia qbiżt għalija?’
Issa Alex Borg qed jikteb: ‘Il-Kap dejjem disponibbli u jisma’ l-bżonnijiet tal-Għawdxin. Flimkien madwar mejda dalgħodu ltqajna sabiex nippjanaw il-ħidma dwar Għawdex fil-qrib u li issa waslet biex tagħti l-frott wara xhur u ġimgħat ta’ ħidma. Komplu segwu l-ħidma tagħna – ser inkomplu nuru li m’aħniex biss oppożizzjoni effettiva imma gvern alternattiv.’
Min hu midħla tad-dinamika ta’ kif jaħdem il-PN, jaf sew li l-messaġġ mir-ritratt ma kellu x’jaqsam xejn mal-ħidma tal-fuq Għawdex, iżda messaġġ dirett lejn Karol Aquilina u lil Beppe Fenech Adami, li l-alleanżi tassew inbiddlu, u bdew ixaqilbu lejn Delia u Borg.