Tkompli tikber ir-rabja tal-partitarji nazzjonalisti fil-konfront ta’ Bernard Grech, li qed jagħżel li jibqa’ ċass, ma jiddefendix lid-Deputat Għawdxi Alex Borg, u agħar li qed iħalli lill-klikka militanti u estremista mmexxija minn Karol u Robert Aquilina jieħu f’idejhom il-kontroll assolut tal-PN.
Huma mijiet il-kummenti fuq Facebook ta’ partitarji li qed jesprimu rabja kbira għad-djufija ta’ Bernard Grech quddiem l-assalt tal-estremisti ta’ Repubblika kontra d-deputati tal-PN.
‘Għalhekk dr. Bernard Grech, naħseb ħafna jaqblu miegħi li l-ebda Deputat m’għandu jitħalla waħdumeta jiġi attakkat, kif ġara ma’ Alex Borg. Aħna nistennew li l-partit jieħu pożizzjoni ċara meta dan iseħħu, jiġi minn fejn jiġi dan l-attakk. Jekk mhux se jsir hekk, Kastilja ma nidħlu qatt. Charity begins at home, kien il-messaġġ ippubblikat fuq il-paġna ‘Partit Nazzjonalista Magħqudin’, li tiġbor mijiet ta’ partitarji.
Oħrajn għażlu li li jwissu lil Bernard Grech b’mod aktar ċar, tant li appella lill-sħabu l-partitarji biex jiftħu għajnejhom u jqumu kontra t-tmexxija dgħajfa ta’ Bernard Grech: ‘il-vot qiegħed hemm biex tużah u tgħażel dawk li veru ħaqqhom jibqgħu fit-tmexxija tal-partit,’ kiteb Johnathan Pellegrini.
Oħrajn sostnew li ‘l-ballun jinsab f’saqajn il-Kap‘, filwaqt li kien hemm ukoll il-kumment li jsostni li ‘l-bieb tad-Dar Ċentrali hu miftuħ għal kulħadd, inkluż għal Laburisti, iżda mhux għal dawn l-erba minn-nies li jgħixu bil-mibgħieda‘, f’botta ċara lill-estremisti ta’ Repubblika.