Jirritorna b’artiklu fil-gazzetta ‘Illum’ id-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg, ġimgħa wara l-uragan li tqajjem bl-attakk mill-kirurgu Kevin Cassar.
L-artiklu hu mimli botti lejn it-tmexxija tal-PN u lejn l-establishment tal-partit, kif ukoll lejn il-fazzjoni militanti u estremista, fosthom ukoll Repubblika.
Alex Borg isostni: “il-Partit Nazzjonalista, li kont u għadni nemmen li huwa d-dar naturali tiegħi. Id-dar fejn dejjem ammirajt il-ħidma bla qatigħ ta’ politiċi oħrajn minn l-istess gżira li ġej minnha jien bħal Anton Tabone, Giovanna Debono u l-mibkijin Frederick Azzopardi, Louis Refalo u Victor Galea Pace. Id-dar li tħaddan il-valuri u l-prinċipji li nemmen fihom. Id-dar fejn flimkien, irrispettivament mid-diverġenzi li jista’ jkollna, nistgħu verament nagħmlu differenza f’ħajjet il-Maltin u l-Għawdxin. Dan mhux biss kliem fieragħ imma fatt li l-istorja glorjuża ta’ dan il-partit tixhdu. Iva, għax kull meta ħdimna flimkien lejn għan wieħed, il-Partit Nazzjonalista kien b’saħħtu u rebaħ.”
Iżid jgħid: “Iż-żminijiet inbidlu u n-nies inbidlu però l-prinċipju tal-għaqda ma nbidilx. Iva, għax flimkien inkunu relevanti, inkunu b’saħħitna. Flimkien naslu. Iva, għax kull meta l-Partit Nazzjonalista kien magħqud, wasal il-messaġġ għand il-Maltin u l-Għawdxin. Dan mhux żmien il-battibekki u t-tilwim intern. Dan mhux iż-żmien li ninħlew f’attakki personali. Dan mhux iż-żmien li nperrċu l-ħwejjeġ tagħna hemm barra. Dan mhux iż-żmien li nħarsu lejn l-interess personali. Dan mhux iż-żmien li nibqgħu nsabbtu saqajna. Kif darba qal John Legend: “The future started yesterday, and we’re already late.”