Il-fazzjoni estrema u tal-establishment nazzjonalista tinsab f’paniku!
Nosserva minn dak li kiteb ‘sieħbi’ Julian Delia – apoloġist għal dawn l-estremi – li jirrikonoxxi l-fatt li qed ngħid, li dawn għandhom pjan għal kampanja ta’ diżubbidjenza ċivili.
F’għeluq l-artiklu tiegħu biex jikkritika kitbieti dwar l-istat meskin li daħal fih il-Partit Nazzjonalista b’Karol Aquilina jieħu l-kontroll assolut taħt idejh, jgħid dan li ġej: “Dan mhux żmien li nkunu dgħajfa. Jew inkunu militanti, jew ma jifdalniex aktar spażju biex niċċaqilqu.”

Dan hu eżatt li għandhom f’moħħom – Li jkunu militanti u jinżlu fit-toroq u joħolqu l-instabbilta’ fil-pajjiż.
Julian Delia kkritikani għaliex qed nappella lil Bernard Grech biex jaqbad il-barri minn qrunu u jkeċċi lil Karol Aquilina mill-Grupp Parlamentari għaliex sar wisq perikoluż.
Delia jgħid li jien qed nitfa’ pressjoni fuq Grech.
Mela qed jinkwieta li l-messaġġ tiegħi qed jasal mhux biss għand Bernard Grech, iżda fuq kollox qed jasal għand eluf ta’ partitarji nazzjonalisti li jafu li dak li qed ngħid hu minnu, u meħtieġ għas-salvazzjoni tal-PN.
Julian Delia, mil-lum int dħalt fil-lista tiegħi ta’ ‘osservati speċjali’.
B’kitbietek – biex tirrabatti lili – ftaħtli t-tieqa aktar beraħ ta’ min hemm aktar wara dan il-‘pjan djaboliku’ li qed tiċħad li jeżisti iżda fl-istess ħin qed tammetti li hemm.