Fil-Parlament illejla kien hemm mument ħelu, fejn il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici, esprimiet is-‘sorpriża’ u l-istgħaġib’ tagħha f’isem l-Oppożizzjoni, għal mozzjoni li tressqet mill-Gvern li ssejjaħ għall-kundanna tal-aġir abbużiv u l-attakki ta’ Karol Aquilina kontra l-awtorita’ tal-iSpeaker tal-kamra/
Mifsud Bonnici staqsiet: ‘din biex tikkundanna lill-Oppożizzjoni? – ‘Bis-serjeta?’
Ħelwa wisq!
Kontra min tridha li tkun il-mozzjoni? kontra l-barman tal-każin tal-PN tal-Hamrun?
Trid jew ma tridx Mifsud Bonnici, din il-mozzjoni qed tkun proposta biex titressaq għal diskussjoni u vot fil-Parlament nhar it-Tnejn li ġej.
Il-możżjoni
Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista fil-mozzjoni tiegħu sostna li l-aġir u l-istqarrijiet fil-konfront tal-Ispeaker imbuttati mill-Kap de facto tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina huma għal kollox ibbażati fuq strateġija partiġġjana u ma jistgħux jitqiesu bħala kritika ġusta jew kostruttiva tas-Sedja.
Dan filwaqt li minkejja l-kritika kollha tagħha, l-istess Oppożizzjoni f’din il-Leġiżlatura ma appellat l-ebda mis-67 ruling li ngħata mill-istess Speaker minkejja li kellhom kull dritt li jagħmlu dan.
Il-mozzjoni tal-Grupp Parlamentari fakkret ukoll kif id-Deputat Karol Aquilina mar fl-estrem fost oħrajn meta għajjar lill-Ispeaker sfaċċat, oxxen u li mhux kapaċi jaħseb, u saħansitra qallu li messu jmur ipoġġi man-naħa tal-Gvern. Dan apparti li fl-aħħar jiem l-istess Aquilina, meta mitlub ma jibqax jinterrompi mis-sedja, huwa wieġeb li jrid iġiblu lill-Pulizija biex joħorġu mill-Parlament.
Jekk Bernard Grech irid juri kemm verament imexxi lill-Partit Nazzjonalista u mhux immexxi minn imnieħru, minn dak li kien fuq quddiem ta’ dan l-aġir fil-konfront tal-Ispeaker, għandu mhux biss isib l-awtorità biex iċanfar din l-imġieba u jara li każijiet ta’ diżordni bħal dawn ma jseħħu qatt iżda jivvota wkoll favur il-mozzjoni tal-Gvern.
Dan jekk verament jemmen u jipprattika r-rispett lejn l-istituzzjonijiet kif iħobb jgħid tant.