IL-MAĠISTRAT GABRIELLA VELLA MA ĦADET L-EBDA PASSI KONTRA JASON AZZOPARDI FUQ ‘LEAKS’ MILL-INKJESTA U DETTALJI DWAR IT-TFITTXIJA FID-DAT TAL-EKS PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT
It-tfittxija fid-Dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’Burmarrad, kif ukoll il-presenza tal-esperti Sam Sittlington u Andy Coles waqt din it-tfittxija, saru fuq ordni tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Dan xehedu quddiem il-Qorti Kostituzzjonali l-eks Spettur tal-Pulizija Anthony Scerri li spjega li t-tfittxija fid-Dar ta’ Muscat saret jum tard, wara li kellha tkun posposta minħabba leak serju fl-Inkjesta, meta Jason Azzopardi beda jiżvela dettalji fuq Facebook.
Minkejja dan il-leak, il-Maġistrat Gabriella Vella ma ħadet l-ebda passi.
L-Ispettur Scerri spjega wkoll li fil-ħin li kienet qed issir it-tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru, nġibditlu l-attenżjoni li kien hemm persuna – identifikata bħala Jacob Borg minn The Times – li kien fuq barra fit-triq tiġbed ritratti bil-telefon ċellulari.
Fi kliem l-Ispettur Scerri, il-Maġistrat Gabriella Vella kienet tħalli f’idejn l-esperti barranin biex jipparteċipaw u kwasi jmexxu huma t-tfittxijiet, filwaqt li l-Pulizija kienet titħalla biss tiġbor l-affarijiet li jkunu elevaw il-barranin f’boroż tal-evidenza.
Fid-Dar ta’ Muscat daħlu l-esperti Sam Sittlington u Andy Coles, – L-istess esperti li malli lestew ir-rapporti tagħhom, bdew ixolju l-kumpaniji li fihom kienu diretturi.
Kienet il-Maġistrat Vella li dejjem tat id-direżzjoni lill-esperti, filwaqt li l-Pulizija ma kienet tipparteċipa fl-ebda investigazzjoni, għajr meta l-istess Maġistrat kienet issejħilha.