Kemm-il darba ngħidilkom li l-PN jagħmlu minn kollox biex bħalma jgħidu l-Ingliżi, ‘they get away with murder’.
Kemm-il darba smajna lil tal-Partit Nazzjonalista u ta’ Repubblika, Occupy Justice u Justice for Daphne, jirrepetu l-kantaliena tal-konklużjoni assurda tal-Inkjesta fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li tefgħet ir-responsabbilta’ ta’ dan id-delitt oxxen fuq l-Istat?
Kemm-il darba smajnihom jgħajtu ‘Daphne kellha raġun!’.
Bla ma jafu, dawn kollha spiċċaw għajjru, ivvilifikaw u ossessjonaw fuq ħafna nies żbaljati.
Għaliex biex issostni stqarrija daqshekk kategorika fuq kemm ‘Daphne kellha raġun’ neħtieġu mmorru lura għall-għerq tal-problema kriminalita’ li fil-fatt wasslet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Jew għax apposta, jew minħabba l-għamad tal-ossessjoni anti-Laburista li għandhom, nies bħal Simon Busuttil, Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Robert Aquilina, Manwel Delia u oħrajn, ma jissemma’ qatt l-għerq ta’ kollox.
Tonio Borg
L-għerq m’hu ħadd ħlief Tonio Borg, l-eks Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, sakemm spiċċa Brussels bħala Kummissarju Ewropew, wara John Dalli.
Meta mmorru lura fiż-żmien nsibu li fost l-aktar Ministri Nazzjonalisti li Daphne kienet tikkritika, kien propju Tonio Borg, minħabba – ossessjoni oħra – li ried inaqqax l-abort bħala reat fil-Kostituzzjoni.
Daphne hemmhekk kellha raġun biex tbiegħ!
Kellha raġun twissi fuq il-periklu tal-ossessjoni abort ta’ Tonio Borg, għaliex fl-istess ħin, kien qed jittraskura u jwebbes rasu fuq proċedura partikolari – iżda fondamentali – fil-Kodiċi Kriminali: Dik tad-Dritt tal-Avukat tas-suspettat waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija.
F’dan iż-żmien tal-ossessjoni doppja ta’ Tonio Borg, kienu qed iseħħu reati kriminali serji fil-pajjiż. Kienu qed iseħħu reati kbar li xxukkjaw pajjiż għall-awdaċita’ tagħhom, fosthom hold-ups organizzati fuq banek u vannijiet li jġorru l-flus.
Il-hold-up tal-Group 4
Fost dawn hemm hold-up partikolari li kien seħħ nhar is-26 ta’ Ottubru tas-sena 2000 fuq vann tal-kumpannija tas-sigurta’ Group 4 fi Triq il-Kanun f’Ħal-Qormi.
Dakinhar, Malta kienet tbelħet bl-organizazzjoni tas-serqa, fejn grupp ta’ rġiel mgħammda u armati sa snienhom waqqfu t-traffiku, sparaw u serqa b’madwar miljun Lira Maltin, li llum jgħoddu aktar minn tlett miljun Ewro.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dak iż-żmien kienu wasslu għall-arrest ta’ diversi persuni, fosthom ċertu Emanuel Formosa li kien is-sewwieq tal-vann misruq tal-Group 4 , u ċertu Mario Cutajar.
Il-flus misruqa kienu eventwalment nstabu ppakkjati fil-plastik taħt sodda fid-dar ta’ Cutajar.
Fl-istqarrijiet tagħhom lill-Pulizija, Formosa u Cutajar kienu implikaw it-tielet persuna fis-serqa, għalkemm kien hemm oħrajn iżda ma setgħux jinstabu provi ċari kontrihom.
Din it-tielet persuna ma kienet ħadd ħlief Alfred Degiorgio, magħruf bħala ‘il-Fulu’ u li 17-il sena wara kellu jirriżulta jkun l-eżekutur tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-każ spjegat
F’dan il-punt, qed nimmaġinak diġa qed tgħidli – fejn sejjer b’rasek? 17-il sena wara seħħ il-qtil. X’għandu x’jaqsam?’
Il-mistoqsija hi ġustifikata, iżda ha nispjegalek il-konessjoni bejn l-osessjoni ta’ Tonio Borg, u l-Fulu.
Meta l-Pulizija kienet arrestat lil Degiorgio fuq is-serqa tal-Group 4, kienet straħet fuq l-istqarrijiet mogħtija mill-ko-akkużati Formosa u Cutajar.
Dawn l-istatements iżda, spiċċaw ikkoraborati minn finger-print ta’ Degiorgio li kien elevat minn fuq pakkett bil-flus li nstab fid-dar ta’ Cutajar.
F’dak iż-żmien ta’ Tonio Borg, Ministru għażżien li kien jossessjona fuq Liġijiet frivoli, u moħħu biex idaħħal ir-reat fil-Kostituzzjoni, ma kien jindenja ruħu qatt biex isaħħaħ id l-Istat kontra l-kriminalita’ organizzata.
Il-bidu tas-snin 2000, kienu snin li matulhom twettqu reati kriminali kbar, li kienu jimmeritaw mhux biss aġġornament tal-pieni, iżda fuq kollox li jiżgura li l-proċeduri fil-Qrati ma jfixklux ir-‘Rule of Law’ tal-pajjiż.
Ibda bl-akbar waħda: Il-kariga doppja konflittwali ta’ Ministru responsabbli għall-Ġustizzja u l-Intern fl-istess ħin, sal-egoiżmu tiegħu li jinsisti li ma kienx hemm il-ħtieġa li wieħed jagħti d-dritt tal-assistenza legali lis-suspettati waqt l-interrogazzjoni.
L-għażż ta’ Tonio Borg
Jekk għal Tonio Borg – illum għal ġieħna Professur fil-Fakulta tal-Liġi fl-Universita’ ta’ Malta – din tal-assistenza legali kienet ‘ċuċata’ – hu grazzi għall-għażż tiegħu, li Alfred Degiorgio, wieħed mill-bojja ta’ Caruana Galizia, ma belax il-ħabs.
L-akbar insult ta’ Tonio Borg lill-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia kien li Alfred Degiorgio kien illiberat minn kull ħtija tal-hold up fuq il-vann tal-Group 4 mill-Qorti tal-Appell, propju ftit xhur wara li tressaq il-Qorti mixli bil-qtil tagħha!
Minbarra Alfred Degiorgio, Tonio Borg – bħala l-Ministru responsabbli – inħelsu mill-ħabs aktar minn 1,500 persuna, li fl-appell nstab li minkejja l-ħtija ppruvata tagħhom, il-każ tagħhhom ma setgħax ireġi għaliex id-dritt fondamentali tagħhom għall-assistenza legali ma ngħatalhomx.
Tonio Borg kien il-Ministru traskurat u għażżien li biex isodd ħalq il-kritiċi tiegħu, għadda l-Liġi mill-Parlament, iżda naqas milli jdaħħalha fis-seħħ. B’hekk ħoloq waħda mill-akbar anomaliji kostituzzjonali fl-istorja tal-Ġurisprudenza Maltija u Ewropeja.
Il-Liġi ddaħħlet minn Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat, wara li kien elett fil-Gvern fl-2013, iżda l-ħsara kienet irreparabbli, waqt li Tonio Borg irritorna lejn l-Universita’ ta’ Malta, biex jgħallem propju il-Liġi!
Kif Daphne kellha tassew raġun
L-argument tiegħi f’dan kollu hu li Daphne Caruana Galizia kellha tassew raġun, kif jirrepetu l-dawk li jikkampanjaw għall-każ tagħha.
Aħsbu ftit, l-arrest u l-konferma tas-sentenza ta’ 40 sena ħabs f’temp record fil-konfront tal-aħwa George u Alfred Degiorgio, l-ammissjoni ta’ Vince Muscat ‘il-Koħħu’, l-arrest ta’ Yorgen Fenech, tal-aħwa Robert u Adrian Agius (Tal-Maksar) u ta’ Jamie Vella, juru s-serjeta’ tal-Istat fil-ġlieda kontra l-kriminalita’ organizzata. Niftakru, l-każ kien solvut mill-Pulizija f’temp record.
Issa aħsbu ftit: B’anomalija Kostituzzjonali bħal dik li spjegajt, fejn mijiet ta’ kriminali magħrufa nħelsu mill-ħabs minħabba t-traskuraġni, l-għażż u l-osessjonijiet frivoli ta’ Tonio Borg, li ppermettew l-espansjoni tal-kriminalita’ organizzata f’pajjiżna, liema Stat għandu r-responsabbilta’ għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia?
Diversi minn dawk implikati fil-qtil ta’ Caruana Galizia u delitti serji oħra, setgħu tassew kienu evitati, għaliex l-imħuħ u l-eżekuturi kienu jkunu l-ħabs u mhux mħollija jiħu mas-saqajn kif ippermetta il-Professur Tonio Borg!
Qabel ma nħallikom.
Biex inkun ġust, nixtieq infakkar punt ieħor importanti ħafna, li fi żmien din l-irresponsabbilta’ tal-Istat taħt il-Professur Tonio Borg, fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kienu qed iservi Vincent Degaetano u Silvio Camilleri.
Lil dawn it-tnejn, Tonio Borg għadda biex ħatarhom direttament Imħallfin, u llum rtirati iżda attivi bil-kummenti tagħhom kontra l-Gvern, qisu l-Gurisprudenza twieldet bihom u tmut magħhhom.