F’ittra li bagħat lis-6,000 membru li jagħmlu parti mill-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi, il-President C.J. Saliba għamel appell għall-għajnuna, hekk kif il-Federazzjoni li jmexxi se tkun żgurmbrata mill-post minn fejn topera wara 40 sena ta’ ħidma.
“Bħala Federazzjoni, ilna mwaqqfa għal dawn l-aħħar 40 sena u ilna naqdu mill-indirizz tagħna f’140, Triq is-Sorijiet, Ħal Tarxien. Sfortunatament, sid il-post daħħalna l-Qorti erba’ snin ilu sabiex jieħu lura l-proprjetà, billi aħna konna qegħdin hemm bil-kera. Issa s-sitwazzjoni waslet għall-aħħar fażi tagħha, u kellna ninformaw li rridu nitilqu sal-aħħar ta’ April 2025,”, spjega Saliba.
Il-President C.J. Saliba qal li l-boċċi hi logħba tradizzjonali Maltija, u bħalissa qegħda tistenna wkoll l-approvazzjoni biex tiġi rikonoxxuta mill-UNESCO. Fl-istess ħin, il-Kunsill tal-Federazzjoni ilu erba’ snin jitkellem u jiltaqa’ mal-Gvern bl-iskop li tinstab soluzzjoni, kif isir pitch nazzjonali tal-boċċi msaqqaf.
C.J Saliba tenna mill-ġdid l-appell tiegħu lil kull min jista’ jgħin lill-Federazzjoni għar-riallokazzjoni tal-kwartieri tagħhom.