Il-Partit Nazzjonalista reġa’ lura għal żmien GonziPN bil-ħatra ta’ Segretarju Ġenerali, u bir-ritorn ta’ Simon Busuttil.
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fin-Naxxar dalg]odu, fejn staqsa jekk GonziPN 2 hux se jkun agħar minn GonziPN l-oriġinali.
B’referenza għall-aħħar żbiluppi fi ħdan il-PN, il-Prim Ministru qal li min ħataf l-Oppożizzjoni mingħalih irid jaħtaf l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ pajjiżna.
Il-folla mdaqqsa li segwiet id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela fin-Naxxar
Semma l-attakk tal-Oppożizzjoni b’tgħajjir u kliem ta’ disprezz fuq l-Ispeaker.
Irrefera wkoll għall-attakk ta’ dawk li suppost huma paladini tas-saltna tad-dritt li jridu jixħtu żewġ maġistrati f’investigazzjoni għax ma qablux ma’ deċiżjoni ta’ ġudikant.
Saħaq li għada fil-Parlament, il-Gvern se jgħid le għal din il-politika ta’ mibegħda u tgħajjir.
B’kuntrast għal din il-politika ta’ estremiżmu u negattivita’, Robert Abela qal li Moviment Laburista għandu għatx akbar għal iktar bidliet favur il-familji.
Sostna li l-Gvern se jaħdem biex ikompli joħloq ġid għall-familji, għall-ħaddiema, u għal uliedna, biex meta l-pajjiż jasal fil-jiem li ġejjin u jiċċelebra Jum il-Ħelsien, se jitfakkru l-kisbiet li għamel Gvern Laburista u l-ħidma li se jkompli jwettaq għall-pajjiż.