Il-każ kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fil-Qorti għadu kif twal b’mod indefinit, hekk kif dalgħodu l-Maġistrat Rachel Montebello ddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-prosekużżjoni biex jintbagħtu Ittri Rogatorji l-Ingilterra biex tinġabar ix-xhieda ta’ Jeremy Harbinson.
F’digriet mogħti dalgħodu mill-Maġistrat Rachel Montebello, kien deċiż li fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-espert Harbinson jitqies bħala ‘xhud indispensabbli’ fil-każ kontra Muscat u numru ta’ persuni oħra, kien deċiż li għandhom jintbagħtu l-Ittri Rogatorji biex jinstema’ x-xhud.
Jeremy Harbinson, l-espert li fuqu jistrieħu l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Maġistrat Gabriella Vella fl-Inkjesta dwar l-Isptarijiet, ilu sa mill-bidunett tal-kawża jirrifjuta li jixhed jew jikkonferma l-konklużjonijiet tiegħu.
Harbinson, li tħallas il-miljuni ta’ ewro biex fassal ir-rapport li għadda għand il-Maġistrat Gabriella Vella sostna li qatt ma rrakkomanda l-ebda proċeduri kiriminali kontra ħadd, u wisq anqas li jinħarġu ordnijiet għall-iffriżar tal-assi ta’ ħadd.
It-talba biex jintbagħtu l-Ittri Rogatorji lil Harbinson hu mifhum li se jtawwal il-każ b’madwar disa’ xhur jew anki sena, hekk kif il-proċedura hi kumplikata u burokratika ħafna għaliex trid tgħaddi minn sensiela ta’ Ministeri f’Malta u fl-Ingilterra, apparti mill-istituzzjonijiet ġudiżżjarji taż-żewġ pajjiżi.