Ħbieb,
Grazzi għall-appoġġ kbir li qed tagħtuni, u talli bdejtu tifhmu kif qed jaqgħu l-maskri ta’ dawk li sa mill-2013 ppruvaw jpinġu lilhom infushom – flimkien mal-Partit Nazzjonalista – bħala l-verġni mmakulati, meta fir-realta’ qatt ma kienu.
Anżi, dawn dejjem ħadmu minn taħt u ħbew ħafna affarijiet minnkom, kif qed nikxef każ wara każ wara każ matul dawn l-aħħar ġimgħatejn.
F’dawn l-aħħar jiem iżda, bdejt nifhem ferm aktar il-karba tal-Laburist, li għalkemm bil-partit tiegħu fil-Gvern, spiċċa jħossu b’rasu baxxuta quddiem sitwazzjoni fejn – filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela jrid imexxi b’serenita’ – l-avversarji tagħna u s-satelliti tiegħu kontinwment qed imexxu kampanji kattivi kontra kollox li hu Laburist.
Illum, il-Parit Laburista, kif ukoll il-Mexxej u Prim Ministru Robert Abela qed jifhmu dan sew, u qed ihaddnu l-ħidma li qed inwettaq bħalissa.
Quddiem il-kobor tal-Partit Laburista, jien m’jien xejn.
Jiena biss strument biex inwassal messaġġ, li nispjega l-fatti u nirrakkonta min hu tassew l-avversarju tagħna.
F’dawn l-aħħar jiem, kellmuni għadd ta’ esponenti tal-Partit li esprimew dan is-sentiment.
Jiġifieri li l-Partit Laburista jeħtieġ ikompli jingħaqad madwar il-Mexxej tiegħu Robert Abela, u fl-istess waqt inkunu lkoll magħqudin bħala struttura minn fuq s’isfel. B’hekk inkunu rifless tajjeb tagħna nfusna bħala l-akbar forza politika fil-pajjiż.
Irridu nibdew inkunu magħqudin madwar il-Mexxej, mal-eks Mexxejja tagħna, ma’ kull Ministru, Segretarju Parlamentari, Membru Parlamentari, attivist, volontier, u votant tagħna li jispiċċa fil-mira tal-attakki krudili u nsensati mill-avversarji tagħna.
Lkoll qed nimmilitaw politikament għal dak li nemmnu fih. Il-prinċipju tas-sewwa, u li naħdmu għal Malta, għall-ħaddiem, għal uliedu, u għall-familja tiegħu.
Tagħtux każ l-avversarju. Iffukaw fuq ħidmet il-Partit Laburista fil-Gvern.
Tagħtux każ lis-surveys, il-protesti fit-toroq, ir-rikorsi, il-biki u theżżiż tas-snien ta’ xi wħud. Dak hu biss tejatrin.
Joseph Muscat bena Moviment b’saħħtu u rebbieħ. Robert Abela saħħu, kabbru u rebaħ bil-kbir fl-2022.
Fadlina sentejn għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. Se jkunu sentejn iebsa, iżda ħfief – jekk lkoll naqsmu dan il-piż bejnietna.
L-avversarju tagħna se jkompli jagħmel ħiltu biex ifixkilna.
Ma rridux nibżgħu, u ma nħossuniex intimidati. Għandna biex ninfaċċjaw l-avversarju tagħna bi kburija bis-saħħa tal-ħidma li wettqu l-Mexxejja kbar tal-Partit Laburista matul is-snin.
Ma’ kull mument ta’ sfida li tiġi quddiemna, nitlobkom biex tiftakru bi kburija fil-peseveranza ta’ Manwel Dimech u ta’ Dom Mintoff, u nassigurakom li jkollkom qawwa għal ħidma bla qies.
Wettaqna żbalji iva. M’aħniex perfetti, iżda nkomplu nżommu wiċċna ‘l fuq!
Ma’ dawk li jippruvaw juru snienhom magħna, nirrispondu bil-kalma u b’serenita’:
Iddisprati m’aħniex. Telliefa m’aħniex. Falluti m’aħniex. Allura:
KBURIN IVA!
REBBIEĦA ŻGUR GĦAŻ-ŻMIEN TWIL LI ĠEJ!