Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li għada se jkun qed jiġi ffirmat il-ftehim kollettiv għal-letturi u t-tekniċi tal-MCAST li jammonta għal €45 miljun, l-aqwa ftehim kollettiv li qatt kien hemm fl-MCAST. Fisser kif dan l-investiment li jissarraf f’investiment fil-ħaddiema u ż-żgħażagħ tagħna.
Meta kien qed jindirizza attività politika fil-Mosta bit-tema ‘Il-Ġid għall-Maltin’, Dr Abela fakkar fil-ġid li qed joħloq Gvern Laburista, li minnu qed jibbenefikaw il-familji, il-pensjonanti u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Fosthom semma l-għotja ta’ €500 kull sena għal tliet snin lill-ġenituri bi tfal li jkomplu jistudjaw. Irrefera wkoll għall-għotja ta’ €10,000 fuq 10 snin, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll fuq ix-xiri tal-propjetà, u min jinvesti fi propjetà sostenibbli jingaħta sa €9,000 oħra fuq 3 snin.
Il-Prim Ministru qal li għax Gvern Laburista qed imexxi l-ekonomija bil-galbu, illum qed ingawdu mir-riżultati ta’ dak l-għaqal. Sostna kif ħaddieħor staġna l-pajjiż u kellu jkun Gvern Laburista li jerġa’ jqajjem l-ekonomija, biż-żidiet fiċ-children’s allowance u fil-pensjonijiet, trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, għajnuna waqt il-pandemija, l-orħos kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll prezzijiet tal-fjuwil, żieda fil-paga minima nazzjonali, u l-akbar tax cut fl-istorja.
Ir-riforma fit-Tribunal Industrijali se joffri deċiżjonijiet aktar ġusti u effiċjenti
Dr Abela ħabbar riforma fit-tribunal industrijali biex jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema u jagħti serħan il-moħħ lil min iħaddem. Qal li l-liġi kif inhi taf toħloq inċertezzi għall-ħaddiema u għal min iħaddem u anke inġustizzji. Spjega kif il-liġi trid tkun iktar ċara, filwaqt li t-tribunal irid iħaffef iktar u mgħammar bl-aqwa riżorsi u l-kompetenzi meħtieġa.
Il-Prim Ministru qal li Gvern Laburista huwa l-aġent tal-bidla f’aspetti oħrajn, fosthom irrefera għall-miscarriage leave. Sostna li kemm il-unjins, min iħaddem, u anke s-soċjetà ċivili, qed jirrikonoxxu l-ħidma li qed issir biex jiġi ntrodott dan il-leave u Malta tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li tagħmel dan.
Dwar id-diskussjoni dwar l-ewtanasja volontarja assistita, Dr Abela qal li qed jisma’ s-suġġerimenti tan-nies u l-argumenti marbuta mal-kura paljattiva, anke jekk dawn huma żewġ kwistjonijiet separati minn xulxin. Qal li Gvern Laburista investa bis-saħħa fil-kura paljattiva, fosthom fis-Samoc u mal-Hospice, biex dan is-servizz jibqa’ jissaħħaħ minn sena għall-oħra għall-pazjenti b’mard terminali u tinżamm id-dinjità tagħhom.
Il-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista huwa forza progressiva, li mill-Gvern qed iġġib riformi favur il-poplu kollu, l-iktar favur dawk li jeħtieġu l-aktar u għaddejjin minn tbatija.