Ritratt muri llum lill-ġurati li qed isegwu l-każ kontra l-aħwa Robert u Adrian Agius (Ta’ Maksar), Jamie Vella u George Degiorgio, ma juri qatt lill-eks Ministru Laburista Chris Cardona fil-kumpannija tal-ebda mill-akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan ir-ritratt li ntwera lill-ġurati mill-espert tal-prosekuzzjoni Martin Bajada, jintqal li hemm fih Chris Cardona waqt suppost ‘bachelors party’ ġo Villa fil-Fawwara fl-2017.
Iżda minkejja li l-Qorti kienet infurmata li Cardona jidher fir-ritratt, dan ir-ritratt ġie fil-pussess tagħna u qed nistaqsu fejn qed jidher Chris Cardona?
La fil-pixxina u lanqas fl-isfond fejn hemm persuni oħrajn li jidhru fil-bogħod u ma jintgħarfux.
Nistaqsu kif l-espert tal-Qorti qed jgħid li fir-ritratt jidher Chris Cardona meta ma jidher mkien?
Din hi t-tieni darba f’temp ta’ ġimgħa li waqt dan il-ġuri, l-ġurati kienu ppreżentati b’evidenża stramba.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-prosekkuzzjoni pproduċiet xhud mara li kienet qabdet u marret għand l-awtoritajiet fl-2022 u bla ma nvestigaw il-Pulizija, spiċċat fuq il-pedana tax-xhieda biex tgħid li semgħet lil xi ħadd jgħid li ħaddieħor qallu li Joseph Muscat kien ħallas lil xi nies biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia.