L-għażla ta’ Charles Bonello għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kienet sorpiża u mhix fl-istess ħin.
Għall-partitarji nazzjonalista żgur mhiex, iżda fil-verita’ , għal min jaf il-PN u lill-fazzjoni estrema tagħha, jagħaraf li l-pjan biex Bonello jidħol fil-kariga mingħajr ebda kontestazzjoni hi ċara li qed issir bl-iskop li tissaħħaħ l-istess fazzjoni u fl-istess ħin twitti t-triq biex Simon Busuttil jieħu over mill-ġdid it-tmexxija tal-PN minn idejn Bernard Grech.
Iva, smajtu sew: il-Pjan ta’ Karol Aquilina hu li jwitti t-triq għal Simon Busuttil jerġa’ jsir Kap tal-PN u jieħu l-vendetta tiegħu fuq il-Laburisti.

Min hu Charles Bonello
(RITRATT: Charles Bonello (xellug, mal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil. Jodhetr ukoll il-Kunsillier u attivista PN Mark Lombardo)
Kif jidħol f’dan il-kumplott kollu?
Mela dan Charles Bonello niftakruh bħala l-fost l-aktar persuni fdati minn Lawrence Gonzi meta kien Prim Ministru sal-2013. Għal min kien jaħdem mal-Partit Nazzjonalista dak iż-żmien, kulħadd jaf li Charles m’huwx ‘team player’ xejn. Anżi, bil-maqlub. Hu bniedem li dejjem ra x’jagħmel biex ħadem waħdu u jgawdi biss hu u l-ftit ta’ madwaru.
Bonello hu ta’ karattru kliniku, narċisista u politikament ruthless kif jgħidu l-Ingliżi.
Hu protettiv tal-poter li jkollu taħt idejh, jimmanuvra biex iwessa’ dak il-poter, u jgħatti lil min bħalu jbażwar meta jaqsam dak l-istess poter.
Eżempju ċar hu l-mod ta’ kif Charles Bonello qatt ma tniffes, oġġezzjona jew ċaħad li sieħbu Edgar Galea Curmi – eks Chief of Staff ta’ Lawrence Gonzi f’Kastilja – kien joħroġ il-files personali ta’ ċittadini privati jew pubbliċi, u bil-moħbi jgħaddihom lill-edituri ta’ gazzetti bl-iskop djaboliku biex jitkissru dawk l-istess persuni.
Charles Bonello hu wkoll eċċentriku, tant li f’kull attivita’ li organizza sa ftit żmien ilu meta kien qed iservi bħala ‘minority leader fil-Kunsill tal-Fgura, ħadem biss biex jieħu milage politiku għalih biss, u lanqas ta’ sħabu l-kunsilliera nazzjonalisti l-oħra.
Esperjenżajt din personalment kemm-il darba żort attivitajiet li saru fil-Fgura. Rajtu b’għajnejja stess imur fuq il-preżentaturi tal-okkażjoni u jinsisti b’awtorita’ li jsemmuh ripetutament bħala l-persuna li organizzaha, mingħajr qatt ma jissemma’ l-Kunsill.
Ovvjament f’Kunsill Lokali b’Sindku u maġġoranza Laburista, fil-Fgura n-nies kienet tiġi mitmugħa diska mqanżħa li kollox f’dik il-lokalita’ kien idur miegħu. Bonello jagħmel, u jieħu kredtu daqs li kieku l-attivita’ kienet mħallsa minn butu.
Kif jaħdem Charles Bonello?
Spjegajt diġa’ fuq il-paġni tal-meżżi soċjali tiegħi, kif ħadem il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern u kemm gawdew nies tal-qalba.
Dan l-abbuż iżda – jew aħjar, favuritiżmu – baqa’ jitkaxkar ma’ Bonello anke fil-Kunsill tal-Fgura, meta f’diversi attivitajiet organizzati mill-Kunsill kienu jinħtieġu s-servizzi tal-ikel.
Ma nemminx li hi b’sempliċi kumbinazzjoni li kull ordni għal outside catering nghata b’direct order bl-influwenza tiegħu lil Camilleri Caterers.
Għaliex Camilleri Caterers?
Tajjeb tkunu tafu li l-Manager ta’ Camilleri Caterers hi proppju s-sieħba ta’ Charles Bonello, Charmaine Gerada, ex kunsillieri tal-Partit nazzjonalista fuq l-Isla.
Eluf ta’ Euro ntefqu mill-Kunsill tal-Fgura biex saru parties u riċevimenti oħra matul is-snin. Saħansitra, l-Kunsill ħallas mill-kontijiet tiegħu biex Camilleri kiser ir-rekord tal-ikbar ‘ginger bread man’ fejn ippożat għar-ritratt fuq Facebook il-Manager Gerada.

(RITRATT: Charmaine Gerada tippoża mal-akbar gingerbread man f’attivita’ tal-Kunsill Lokali Fgura)
Anke kieku Camilleri kellu jingħata ċ-ċans li jitfa’ s-sejħa, is-Sur Bonello kellu l-obbligu bil-Liġi li jiddikjara kunflitt ta’ interess. F’dan il-każ kunflitt ta’ interess enormi.
L-irregolarita’ toħroġ aktar fil-beraħ meta wieħed jagħrbel ir-rendikonti finanzjarji tal-Kunsill tal-Fgura – huma pubbliċi permezz tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali fuq l-internet – isib li l-eluf kbar maħruġa għall-ikel mingħand Camilleri Caterers f’dawn l-aħħar snin, għoddsu ‘l isfel il-kontijiet bankarji tal-Kunsill.
Meta wieħed iqabbel party partikolari għall-anżjani, dan ġie jiswa daqs bħallikieku kien organizzat tieġ u qabeż sew l- €2,000, filwaqt li festin ieħor – din id-darba organizzat mill-Kunsilliera Laburista Josianne Cutajar għan-nisa tal-lokal – ġie jiswa 350.
Fejn hemm Charles Bonello hemm il-firda
Fatt ċar li joħroġ minn din il-leġiżlatura tal-Kunsill Lokali tal-Fgura, hi l-firda li teżisti bejn il-Kunsilliera Nazzjonalisti, fejn Charles Bonello huwa l-‘minority leader’.
Fil-Fgura hemm maġġoranza assoluta Laburista ta’ 7 kontra 2. It-tieni kunsillier nazzjonalista hu Mark Lombardo, attivisti magħruf tal-PN.
Dan tal-aħħar dejjem ħassu emarġinat – mhux għaliex qiegħed f’minoranza politik – iżda propju għaliex Bonello tant jinfluwenza lis-Sindku, li prattikament għandu l-‘freehand’ biex jagħmel u jieħu li jrid mill-kunsill.
Fl-istess ħin, Mark Lombardo spiċċa litteralment orfni u bla direzzjoni. Tant is-sitwazzjoni ddeġenerat, li dawn it-tnejn spiċċaw iressqu dikjarazzjoniijiet kontra xulxin waqt il-laqghat uffiċċjali tal-Kunsill, kif joħrog mill-minuti uffiċċjali tal-Kunsill.
Dan il-kunflitt bejn iż-żewġ kunsilliera nazzjonalisti darras ħafna fil-PN, li raw lil Bonello jgħaddi romblu fuq sieħbu Lombardo, għaliex fil-ħin li kien qed iressaq l-istqarrijiet kontrih fil-Fgura, l-istess Bonello kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Għaqda Kunsilliera PN, li xogħolu hu propju dak li jżomm l-għaqda fil-ħidma bejn il-kunsilliera tal-istess partit.
Bonello kiser dik ir-regola kardinali dwar l-għaqda bejn il-kunsilliera biex jumilja lil Lombardo.
Mill-firda tal-Fgura għal Aktar firda fil-PN
Charles Bonello fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-PN, inevitabbilment se ġġib magħha wkoll qasma fil-Partit.
Kif?
Id-Deputata Parlamentari Bernice Bonello tiġi bint Charles Bonello. Il-kandidati u Deputati, spejalment dawk tad-distrett, diġà qed iħossuhom mhedda li mhux se jingħataw l-istess trattament.
Jemmnu – u bir-raġun – li sabiex tiġi aġevolata bintu, diġa jafu l-media tal-Partit se tkun qed tagħti palata kemm lil Charles kif ukoll lil bintu Bernice.
L-identikit ta’ Austin Gatt
Għal ħafna fi ħdan il-PN, Charles Bonello fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali jġib lura bl-isepttur tal-identikit arroganti u sfaċċat ta’ Austin Gatt.
Bonello, bħal Austin Gatt jaħdem bil-klikka ristretta.
Min hu barra, jibqa’ l-art. Min ma jsegwix il-proġett tiegħu jiġi emarġinat u kkalpestat. Jekk mhux mkeċċi wkoll.
L-isfidi quddiem Charles Bonello
L-akbar u l-aktar sfida mmedjata ta’ Charles Bonello malli jidħol fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-PN hi dik tal-finażi tal-PN.
Għandu quddiemu skadenza imminenti ta’ madwar €5 miljuni f’ċedoli biex jitħallsu, kif ukoll l-isfida tal-investigazzjoni tal-Pulizija tat-Taqsima għal Kontra r-Reati Ekonomiċi (FCID) li tnediet ġimgħa ilu taħt it-tmexxija tal-Ispettur Andy Rotin.
L-investigazzjoni tikkonċerna l-bravura tal-Kap Bernard Grech li jgħid li kiseb il-flus biex iħallas lil tat-taxxa mingħand ibnu, il-lista tad-donaturi biex tħallas il-kont tat-taxxa, il-misappropjazzjoni tal-fondi tal-partit mill-predeċessuri tiegħu, u l-ħofra tat-twerwir ta’ €42 miljun.
Charles Bonello jeħtieġ isib soluzzjoni għall-konfużjoni straordinarja fil-finanżi tal-PN, u jsib soluzzjoni għall-awditur u ma jkomplix jesponi lill-PN għar-redikolu u fl-illegalita’ bin-nuqqas tal-pubblikazzjonijiet tal-kontijiet finanzjarji, bi ksur sfaċċat tal-Liġi dwar il-Finanżjament tal-Partiti.
U qabel ma ninsa!
Beħsiebi nagħmel żjara lil Charles Bonello la jieħu l-kariga, għaliex ladarba jieħu x-xettru f’idejh ta’ Segretarju Ġenerali, se nħabbattlu biex niżguraw li jitħallsuli l-15 -il sena bollol li serqu mill-penzjoni tiegħi u ta’ sħabi l-oħra, l-eks ħaddiema tad-Dar Ċentrali.
Il-ħidma t-tajba Charles!