Waqt żjara lill-pazjenti Maltin li qed jirċievu l-kura medika f’Londra, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern għaddej bit-tħejjijiet biex l-ewwel għaxar mediċini minn ftit aktar minn erbgħin għall-kura tal-kanċer jidħlu fil-formularju u b’hekk jingħataw mingħajr ħlas.
Dan bħala parti minn bidla tranżitorja li fiha l-Gvern se jieħu fuqu l-piż tal-mediċini tal-kanċer flok il-fondazzjoni Malta Community Chest Fund u b’hekk il-pazjenti jingħataw il-kura bi dritt, u mhux b’karità. Sakemm isseħħ il-bidla, il-pazjenti xorta se jibqgħu jkunu mgħejjuna mill-Malta Community Chest Fund.
Flimkien ma’ Angele Cuschieri u Rennie Zerafa ta’ Puttinu Cares, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia Abela tennew l-appoġġ kontinwu li Malta tibqa’ tagħti għal kawżi soċjali bħal ma tressaq ’il quddiem din l-għaqda li twettaq ġid kbir fis-soċjetà Maltija.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru waqt din iż-żjara hemm il-Minsitru għas-Saħħa Jo Etienne Abela.