Bernard Grech u Alex Borg qed jiffaċċjaw ġimgħa iebsa, hekk kif quddiem il-Grupp Parlamentari mistennija jkunu kkonfrontati mill-estremisti li jridu rashom fuq platt u jħejju biex itajjruhom it-tnejn.
Grech qed jiffaċċja pressjoni mill-estremisti għar-ritratt tiegħu nhar is-Sibt li għadda fil-grawnd Nazzjonali f’Ta’ Qali spalla ma’ spalla ma’ Joseph Muscat, u qed jgħajjruh bġala ‘naive’ u ‘politikament imbeċilli’ għaliex skont huma kellu l-obbligu li ‘jirrifjuta’ li jidher jew ikellem lil Muscat.
Għall-estremisti fil-PN u f’Repubblika u Occupy Juastice, dan ir-ritratt ta’ Bernard Grech hu ‘totalment inaċċettabbli u politiakment ‘naive’
Il-każ Muscat għal Grech iżda mhix l-unika ħaġa li se jqammu l-estremisti mmexxija minn Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami – abżi – żieduha mar-riżultat tal-aħħar survey li kien ippubblikat minn MaltaToday qabel l-Għid il-Kbir u li żvela kif il-PN kompla jitlef l-appoġġ u Grech kompla jgħereq fil-fiduċja meta mqabbel mal-fiduċja li jgawdi l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Grech intant qed ikun rikattat mill-estremisti li se jħarrxu l-ażżjonijiet kontrih jekk kemm-il darba mhux se jieħu kont tal-konklużjonijiet tal-Kummissarju għall-Istandards li sab ksur ta’ etika minn-naħa ta’ Alex Borg dwar il-Forti Chambrai.
Għall-estremisti, dan ir-rapport, li issa għandu jkun diskuss quddiem il-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Parlament, għandu jservi bħala l-bażi biex jinbdew proċeduri għas-sospensjoni u t-tkeċċija eventwali ta’ Alex Borg mill-Grupp Parlamentari.
L-estremisti qed jużaw dan ir-rapport bħala l-iskuża biex jimblokkaw lil Borg milli jkompli bl-aspriazzjonijiet li għandu għall-kariga ta’ Kap tal-PN, u diġa jafu lid-Deputati viċin tagħhom Mark Anthony Sammut u Ryan Callus mistennija jivvutaw favur ċanfira u talba għal apoloġija minn Alex Borg lill-Parlament, ħaġa li Borg s’issa qed jirrifjuta li jagħmel.
Bl-iskuża ta’ ksur ta’ etika, l-estremisti qed jittamaw li twassal għas-sospensjoni ta’ Alex Borg mill-Grupp Paralmentari biex eventwalment jeskalaw il-passi għat-tkeċċija tiegħu mill-PN.