Bernard Grech ħareġ jiddefendi b’saħħa lis-Sindku tal-Għargħur Helen Gauci, li fil-konfront tagħha hemm mozzjoni ta’ sfiduċja mill-maġġoranża ta’ kunsilliera, wara li xebgħu jiskopru irregolaritajiet fit-tmexxija tagħha.
Grech, li naqas milli jispjega r-raġunijiet wara l-mozzjoni ta’ sfiduċja, qabad u waħħal fil-Prim Ministru Robert Abela u fil-Partit Laburista li jridu ‘jċaħħdu lir-residenti ta’ Ħal Għargħur minn dak li vvutaw għalih biex jippruvaw jieħdu l-kontroll tal-Kunsill huma’.
Biex isalva lil Helen Gauci, il-bieraħ niżel is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello flimkien mad-Deputata Claudette Buttigieg, f’tentattiv li jikseb l-appoġġ tar-residenti kontra l-Kunsilliera ‘ribelli’ kontra s-Sindku.
Il-Kunsill bħalissa hu magħmul minn 2 Kunsilliera PN, 2 tal-Partit Laburista u waħda indipendenti, wara li x-xahar li għadda il-Viċi Sindku Francesca Attard rriżenjat mill-PN u ġiet indipendenti. Dan tellef lill-PN ilmaġġoranża fil-kunsill tal-Għargħur.
Charles Bonello argumenta li s-Sindku Helen Gauci ma tistax tkun sfiduċjata għaliex waħedha kisbet 869 vot jew 43% tal-voti u f’ Ġunju tas-sena li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista kiseb 62.3% tal-voti f’Ħal Għargħur.
Iżda kemm Bernard Grech u anki Charles Bonello naqsu li jispjegaw kif mis-sena li għaddiet ‘l hawn, ir-residenti ta’ Hal Għargħur bdew jistmerru t-tmexxija ta’ Gauci, tant li spiċċat li kellha tibda ddur hi l-Każini tal-baned il-bieraħ biex tiġbor il-firem biex issalva lilha nfisha.
Iżda l-jiem ta’ Helen Gauci bħala Sindku huma mgħaduda, għaliex il-maġġoranża tal-Kunsilliera huma determinati li jibqgħu għaddejjin bl-isfiduċja fis-Sindku, wara li rriżultaw għadd ta’ irregolaritajiet fit-tmexxija tal-Kunsill li jimmeritaw investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali.
Nifhmu li l-Kunsilliera sabu li s-Sindku qabdet u kriet post lil terżi persuni li l-Kunsill kiseb min għand id-Dipartiment tal-artijiet, filwaqt li forti fid-daħla tal-lokal ngħata lil terżi wkoll biex jokkupah bla ma qatt infurmat lill-Kunsill.
Apparti minn hekk, jirriżulta taħwid sħiħ fil-kontijiet tal-Kunsill.