Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għadu ma ddeċidiex jekk iressaqx jew le mozzjoni għas-sospensjoni ta’ Karol, bħala miżura ta’ dixxiplina wara li l-imġieba tiegħu fil-Parlament kif ukoll fi ħdan il-Partit, qasam fin-nofs lill-Grupp Parlamentari.
Grech jinsab taħt pressjoni enormi tal-Grupp Parlamentari, kif ukoll minn mijiet ta’ partitarji li qed jinsistu li l-PN m’għandhux jitħalla jgħereq minħabba l-aġir estremista ta’ Aquilina.
Iżda l-kap Nazzjonalista bħas=soltu, qed isib ruħu mġebbed u mhedded mill-fazzjonijiet differenti.
Jiddeċiedi kif jiddeċiedi, jaf li xorta waħda se jaqlaħha.
Mill-informazzjoni li għandu dan is-sit Grech tkellem mal-kollaboraturi tiegħu u fisser l-intenżjoni tiegħu li jimxi fid-direzzjoni tas-sospensjoni ta’ Aquilina, filwaqt li dawk leali lejn Aquilina, wissew lil Grech li jekk kemm-il darba jieħu dak il-pass, ikun ifisser it-tmiem istantanju tiegħu fil-kariga.
Id-dewmien ta’ Grech milli jieħu deċiżjoni kontra Aquilina wassal għall-kumplikazzjoni bil-miġja ta’ Charles Bonello bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid li tpoġġa hemm propju mill-klikka ta’ Aquilina.
B’hekk issa Grech hu kostrett jaħbi minn Bonello kull pjan li jista’ jħejji kontra Aquilina, qabql ma dan iwassallu.
Fost l-akbar problemi li qed jiffaċċja Bernard Grech minħabba Karol Aquilina, hi dik ta’ kif se jivvutaw il-membri parlamentari nazzjonalisti nhar it-Tnejn fil-Parlament, hekk kif se jsir dibattitu fuq mozzjoni mressqa mill-Gvern li ssejjah gġal kundanna tal-aġir irresponsabbli u pastaża ta’ Karol Aquilina fil-konfront tal-iSpeaker.