Bla ma ninftieħem li qed nattakka ‘ċerti’ prosekuturi jew investigaturi, nemmen li hu bi dritt tiegħi li nespandi ftit fuq li tkellimt dwaru l-bieraħ, fejn innonajt nuqqas serju ta’ għarfien tal-Liġi u ta’ proċedura, meta jkunu qed iressqu l-każ tagħhom kontra persuni.
Meta ngħid prosekuturi, qed nirreferi għal investigaturi partikolari, li meta jitilgħu fuq il-pedana tax-xhieda jibdew jgħaffġu u jitkellmu bis-suppożizzjonijiet u bil-konġetturi.
Il-bieraħ irreferejt għax-xhieda stramba ħafna li ngħatat mill-Ispettur Sean Friggieri fil-każ kontra Keith Schembri dwar l-allegati leaks fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Għedti;lkom kif minn dak li qrajt, għadna ma tgħallimna xejn mill-esperjenza assurda fil-ħadma, u fit-tgħaffiġ tas-suppost ‘espert’ tal-Qorti Jeremy Harbinson, fl-inkjesta dwar l-isptarijiet.
Qed ngħid hemm, għaliex fix-xhieda tiegħu l-bieraħ, l-Ispettur Friggieri donnu ntelaq f’kantaliena ta’ suppożizzjonijiet li kwalunkwe avukat jew maġistrat kellu d-dmir jinterrompi, u jispjegalu li l-hearsay, jew kif jintqal fil-Qorti bħala ‘detto del detto’ ma jista’ qatt ikun ammissibbli bħala prova.
Dak li jinstema’ jingħad minn terzi, aktar u aktar meta ma jkunx la kkoraborat u lanqas ppruvat, ma jista qatt jittieħed bħala fatt, u l-Qrati jimxu esklussivament fuq il-fatti.
Tant hu hekk li saħansitra d-dubju għandu jmur favur l-akkużat.
Din it-tip ta’ xhieda mhux ikkorreġuta jew sostnuta ma tista treġi qatt.
Għahekk li fil-kitbiet preċedenti tiegħi, attakkajt mhux biss il-mod ta’ kif ċerti persuni jitressaqu l-Qorti, ssir show bihom għall għatx medjatika – jew għas-sodisfazzjon ta’ xi wħud – u l-ħeffa konsegwenzjali tal-ħruġ ta’ freezing orders, ntiżi biex jipparalizzaw il-ħajja tan-nies u ta’ negozji.
Nemmen li ma nkux żbaljat jekk – mhux b’assunżjoni – ninnota ċertu pattern ta’ statements li jsiru minn dawn il-prosekuturi jew investigaturi li pjuttost jispjegaw fatti, iqarrbu aktar lejn statements oħra, bħal dawk li jsiru u saru fuq il-paġna Facebook ta’ Jason Azzopardi.
Ikun hemm mumenti ta’ konfużjoni waqt ċerti depożizzjonijiet minn fuq il-pedana li donnhom – b’konsegwenza – jiġu jikkorraboraw id-dikjarazzjonijiet li jkunu saru jew fuq Facebook, jew fuq xi gazzetta jew portall minn Jason Azzopardi.
Quddiemi għandi sensiela ta’inċidenzi, li mal-ewwel daqqa’ t’ għajn ma jistgħux jammontaw għal kumbinazzjoni.
U nżid oħra: Kif Jason Azzopardi jgħid ħaġa, u wara xi żmien tiġi ripetuita kwasi b’mod identiku minn fuq il-pedana tax-xhieda minn ħaddieħor?
Malta żgħira u n-nies magħrufa jgħid il-Malti, u mhux xi sigriet la fid-Depot jew fil-kafetteriji biswit il-Qorti fil-Belt, dwar il-‘familjarita’ bejn ‘ċerti Spetturi@ u Jason Azzopardi.
Mhix b’kumbinazzjoni anki li hemm denominaturi komuni li jgħaqqdu din it-teżi, bħal: Jekk Jason Azzopardi mhux parti mill-inkjesta li wasslet għall-akkużi kontra persuni, hu midħla tal-każ per eżempju bħala ‘parte civile’ jew difensur ta’xi ħadd.
L-investigatur imbgħad hu komuni fl-istess każi.
M’ għandix għalfejn noqgħod nintilef iżda fis-‘suppożizzjoni’ ta’ interess politiku minn l-ebda naħa, anki jekk oħt wieħed mit-tnejn – b’kumbinazzjoni taħdem jew kienet taħdem fl-uffiċċju elettorali tal-PN, l-Elcom.